Joħorġu sejħiet għall-kiri ta’ faċilitajiet ġodda fil-park ta’ Wied il-Għajn

Ħarġu s-sejħiet għall-offerti għall-kiri ta’ għadd ta’ faċilitajiet ġodda fil-Park tal-Familja ta’ Wied il-Għajn.  
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li din l-istedina għas-sehem tas-settur privat se twassal biex il-konsumatur ikollu għażla ikbar.
Żied jgħid li dan qed isir skont deċiżjoni tal-Kabinett, waqt li jiggarantixxi li l-pubbliku jibqa’ juża l-faċilitajiet eżistenti mingħajr ħlas.
Is-sejħiet ħarġu wara li f’Awwissu li għadda, il-Kabinett iddeċieda li jinħarġu sejħiet għall-offerti għall-kiri ta’ faċilitajiet ġodda fil-park tal-familja.
Fit-30 ta’ Marzu, il-Gvern kien ħareġ espressjoni ta’ interess biex jiġi stabbilit jekk jitressqux ideat ġodda għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ partijiet mill-park. B’kollox kien hemm 16-il sottomissjoni.
L-inħawi fil-park li qed jiġu kkunsidrati li jiġu kkumerċjalizzati jinkludu l-istalel, ir-restorant, l-inħawi tal-kappella, l-amfiteatru, l-ispazju intenzjonat li jintuza għal attivitajiet fil-beraħ u ċ-ċentru agrikolu.