Joħorġu l-ewwel proġezzjonijiet għall-Parlament Ewropew il-ġdid

Ħarġet l-ewwel proġezzjoni għall-Parlament Ewropew ibbażata fuq kemm riżultati uffiċjali u dawk proviżjonali fi 22 pajjiż. Sa issa jidher li fadal madwar sitt pajjiżi oħra x’joħorġu r-riżultati finali.

Fi stqarrija mibgħuta mill-Parlament Ewropew għall-ħabta tas-2.30AM, ir-riżultati uffiċjali sa dak il-ħin kienu ħarġu f’seba’ pajjiżi: Czechia, il-Greċja, il-Latvja, Ċipru, Slovakja, Slovenja u Spanja. Intant, 15-il pajjiż sa dak il-ħin kienu għadhom b’riżultati proviżjonali, fosthom kien hemm Malta, l-Awstrija, il-Belġju, l-Krozja, d-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlanda, il-Portugal u l-Iżvezja.

Intant, il-Bulgarija, Franza, l-Italja, il-Polonja u r-Rumanija kellhom biss stimi nazzjonali, filwaqt li r-Renju Unit jidher li l-indikazzjonijiet dwaru kienu għadhom biss l-intenzjonijiet tal-votanti li nġabru qabel l-elezzjonijiet.

Intant, figuri preliminari ta’ kemm persuni marru jivvutaw għal dawn l-elezzjonijiet madwar l-Unjoni Ewropea kollha huwa ta’ madwar 50.5% li juri żieda qawwija fil-parteċipazzjoni filwaqt li huwa wkoll l-akbar turnout għal dawn l-elezzjonijiet fl-aħħar 20 sena. F’Malta, it-turnout kien dak ta’ ftit aktar minn 72% tal-popolazzjoni eliġibbli għall-vot.