Joħorġu iżjed linji gwida fuq it-tagħlim online

Il-Grupp ta’ Ħidma mwaqqaf mill-Ministeru għall-Edukazzjoni ħareġ iżjed linji gwida fuq it-tagħlim lill-istudenti online, issa li l-iskejjel se jibqgħu magħluqin minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Il-Grupp ta’ Ħidma kompla jiltaqa’ b’mod regolari din il-ġimgħa. Il-grupp hu magħmul minn rappreżentanti mit-tliet setturi: l-Istat, il-Knisja u l-iskejjel indipendenti, flimkien mal-Unjin tal-Għalliema (MUT). Il-mandat tal-grupp hu li jesplora metodi ta’ tagħlim online matul dan il-perjodu kif ukoll li jesplora l-impatt tas-sitwazzjoni attwali fuq il-kurrikulu.

Il-Grupp ta’ Ħidma qed jirrakkomanda dawn il-linji gwida għall-edukaturi u għall-iskejjel:

  • L-edukaturi jistgħu jikkomunikaw mal-istudenti permezz tal-appoġġ tal-iskola tagħhom u/jew, jekk ikun meħtieġ, permezz tal-appoġġ disponibbli fuq dan is-sit elettroniku.
  • L-edukaturi huma mħeġġa jikkollaboraw flimkien u mal-iskola tagħhom, anke fit-tixrid tar-riżorsi.
  • L-edukaturi għandhom jippjanaw il-komunikazzjoni u t-tixrid ta’ materjal edukattiv b’mod li hu realistiku għalihom stess kif ukoll għall-istudenti tagħhom. Huma għandhom jippruvaw ikopru l-aktar partijiet importanti tas-sillabi rilevanti tagħhom b’mod li jqis il-fatt li l-għeluq tal-iskola jista’ jkopri perjodu estiż. Huma mħeġġa jibagħtu materjal gradwalment sabiex ma jkunx hemm wisq materjal għall-istudenti f’ħin wieħed, u biex ikun żgurat li l-edukaturi jistgħu jaħdmu b’mod realistiku minħabba li jkunu qed jaħdmu f’ċirkustanzi eċċezzjonali mid-dar.
  • L-edukaturi huma mħeġġa jagħtu feedback lill-istudenti, madankollu, il-Grupp hu konxju li mhuwiex realistiku li wieħed jistenna li l-edukaturi jikkoreġu l-ħidma kollha li l-istudenti jistgħu jwettqu minn djarhom matul dan il-perjodu. Għandu jinstab bilanċ minn kull edukatur f’dan ir-rigward li fih jingħata feedback lill-istudenti b’mod realistiku. Il-Grupp qed jitlob għall-appoġġ tal-ġenituri li jafdaw fil-professjonalità tal-edukaturi.
  • L-użu ta’ mudell ta’ tweġibiet u skemi ta’ mmarkar, speċjalment għal studenti kbar fl-età, jista’ jkun għodda ta’ valur biex l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni huma stess ta’ xogħolhom. It-taqsima Exam Papers fuq is-sit elettroniku tal-kurrikulu għandha tkun ta’ għajnuna. Dawn huma disponibbli b’xejn għall-istudenti kollha mis-setturi kollha. Is-sit tal-MATSEC għandu jkun ta’ fejda wkoll.
  • L-edukaturi għandhom jiżguraw li l-komunikazzjoni kollha mal-istudenti ssir fi ħdan il-parametri ċari tal-etika professjonali u s-salvagwardja tal-istudenti u l-edukaturi nfushom.
  • Fir-rigward tal-eżamijiet annwali, il-Benchmark, l-eżamijiet tas-SEC u l-eżamijiet ta’ Matrikola f’livell Avvanzat u Intermedjarju, il-Grupp ta’ Ħidma qed jiddiskuti xenarji possibbli li jqisu s-sitwazzjoni attwali. Qed isiru wkoll diskussjonijiet mal-bord tal-MATSEC. F’dan l-istadju l-edukaturi huma mħeġġa jkomplu jagħtu sapport lill-istudenti tagħhom. Iktar ‘il quddiem ser jingħata direzzjoni ċara lill-edukaturi, lill-istudenti u lill-ġenituri mill-bord tal-ezamijiet rispettivi, partikolarment il-MATSEC.

Wara d-dikjarazzjoni li l-għeluq tal-iskejjel se jkompli sal-vaganzi tal-Għid, il-Grupp ta’ Ħidma jħeġġeġ lill-edukaturi biex ikomplu b’dan il-proċess ta’ tagħlim online għall-istudenti tagħhom. L-edukaturi jistgħu jitolbu appoġġ f’dan direttament permezz tal-iskejjel tagħhom jew permezz tas-sit elettroniku u tal-linji telefoniċi għall-għajnuna. Repożitorju tar-riżorsi edukattivi issa jinsab disponibbli online u qed jiġi aġġornat kontinwament.

Il-Grupp ta’ Ħidma rringrazzja b’mod sinċier lill-edukaturi kollha għall-mod eżemplari li qed juru waqt l-isfida ta’ din is-sitwazzjoni bla preċedent.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn