Joħorġu d-direttivi dwar il-quddiesa tal-funerali

REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Read in English.

Il-Knisja qed tippubblika direttivi dwar il-quddiesa tal-funeral li jidħlu fis-seħħ mil-lum, issa li Malta qed terħi xi miżuri preventivi meħudin minħabba l-coronavirus. Apparti li se tibda tiġi permessa quddiesa tal-funeral, illum se jiftħu r-ristoranti, il-parrukkiera u tad-dwiefer, fost miżuri llaxkati oħrajn.

Id-deċiżjoni li terġa’ tibda ssir il-quddiesa fil-funerali ttieħdet waqt l‑laqgħa bejn l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex u l‑awtoritajiet tas‑saħħa. Id‑direttivi maħruġin jistabbilixxu l‑miżuri li qed jittieħdu bil‑għan li titħares is‑saħħa tal‑persuni li jattendu għall‑quddiesa, filwaqt li tingħata tislima xierqa lill-għeżież, u jikkonċernaw qabel, waqt iċ-ċerimonja u anke wara.

Id-direttivi huma dawn:

  • Il-quddiesa tal-funeral tista’ ssir fil-miftuħ, bħal f’ċimiterji jew fuq iz-zuntier tal-knisja jew fi knejjes kbar b’numru limitat ta’ nies
  • Il‑knejjes fejn jista’ jsir funeral huma dawk akbar minn 500 metru kwadru; in‑numru ta’ persuni li jistgħu jidħlu fil‑knisja huwa ta’ 20 ruħ
  • Il‑post fejn issir il‑quddiesa tal‑funeral ikollu sinjali apposta ta’ tbegħid fiżiku
  • Mal‑wasla, persuna liebsa maskra jew visor tieħu t‑temperatura bl‑użu ta’ termometri li ma jeħtiġux kuntatt mal‑persuna
  • Kull persuna trid tuża l‑hand sanitiser li se jkun disponibbli
  • Persuni bid‑deni jew li ma jikkoperawx mhux se jitħallew jidħlu għall‑quddiesa
  • Jistgħu jpoġġu fejn xulxin sa sitt persuni li jgħixu fl-istess dar; jekk ikun hemm inqas minn sitt persuni f’bank/set ta’ siġġijiet immarkati bħala cluster seats, dawn ma jistgħux jimtlew b’persuni li ma jgħixux fl-istess dar
  • Waqt il‑quddiesa m’għandux ikun hemm kuntatt fiżiku ma’ persuni oħra, lanqas fl‑għoti tal‑paċi
  • Għat‑tqarbin, il‑persuni jintalbu jibqgħu f’posthom; is‑saċerdot imur iqarben fl‑idejn b’maskra jew visor u wara li jkun ħasel idejh bis‑sanitiser
  • L‑istqarrija ta’ fidi fejn is‑saċerdot jgħid “Il‑Ġisem ta’ Kristu” u l‑persuna li qed titqarben twieġeb “Ammen” tingħad darba biss minn fuq l‑artal
  • Fi tmiem il‑quddiesa, dawk preżenti għall‑funeral iridu joħorġu b’mod ordnat u b’ħarsien tal‑miżuri ta’ distanza soċjali
  • Wara l‑quddiesa ssir id‑diżinfestazzjoni tal‑bankijiet jew tas‑siġġijiet

Il-quddiesa tal-funeral ma kinitx qiegħda ssir, flimkien mal-bqija taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, għal dawn l-aħħar xahrejn, minħabba l-imxija tal-coronavirus. Madankollu, tixxandar quddies fuq it-televixin u online ta’ kuljum, f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.

Il‑miżuri dettaljati ta’ prevenzjoni ta’ tixrid tal‑imxija tal‑coronavirus ġew ikkomunikati lill‑kappillani mill‑Isqfijiet fil‑jiem li għaddew.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn