Joħorġu aktar dettalji fil-każ ta’ ‘El Chapo ta’ Malta’ Jordan Azzopardi

L-allegat traffikant tad-droga Jordan Azzopardi, imsejjaħ l-El Chapo ta’ Malta, reġa’ deher fil-qorti llum flimkien mat-tfalja tiegħu meta kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tagħhom fejn fost l-oħrajn xehdu uffiċċjali tal-Pulizija.

L-Ispettur Frank Anthony Tabone mill-Iskwadra tad-Droga qal fil-Qorti kif l-investigazzjoni wasslet għar-rejd tal-garaxx minn fejn Azzopardi allegatament kien qed jitraffika d-droga f’Birkirkara. Hu spjega li l-Pulizija osservaw għadd ta’ persuni magħrufin mal-pulizija bħala persuni li jagħmlu użu mid-droga, ġejjin u sejrin mill-garaxx. Dan l-aġir ikkonferma s-suspetti tagħhom.

Aqra: “Siringi, ħġieġ imkisser; domt xhur innaddaf il-ħmieġ li ħalla Azzopardi”

Wara l-perjodu ta’ osservazzjoni, il-Pulizija wettqu rejd tal-garaxx. Dan instab li kellu żewġ bibien tal-ħadid. Ġewwa mbagħad kien hemm sufanijiet u counter. Waqt ir-rejd kienu nstabu flus kontanti u oġġetti li juru li kien qed isir traffikar tad-droga. L-Ispettur qal li kien hemm ukoll kameras tas-CCTV fil-garaxx li minnhom ittieħdu l-filmati bħala evidenza.

L-Ispettur spjega li fuq wara nett kien hemm żona li kienet magħluqa fejn instabu aktar flus u notebook. Din iż-żona qal li kienet aċċessibbli biss mill-persuni li kienu qed ibigħu d-droga.

Aqra: ‘El Chapo’ ta’ Malta: Kien jirċievi t-telefonati mill-ħabs qabel kien arrestat

Hu u jixhed spjega li wieħed mis-16-il persuni li ġew arrestati dakinhar tar-rejd ħa r-responsabbiltà tal-garaxx. Minkejja dan, il-Pulizija saret taf li l-garaxx kien mikri f’isem Jordan Azzopardi.

Jixhed spettur fil-magħluq

L-Ispettur Nicholas Vella xehed ukoll fil-Qorti fejn tkellem ma’ investigazzjoni separata li għandha x’taqsam mal-każ. Il-Qorti talbet sabiex din ix-xhieda tingħata fil-magħluq.

Aqra: Terġa’ tinħeles mill-arrest is-sieħba ta’ Jordan Azzopardi

Wara din ix-xhieda, l-avukat tad-difiża Franco Debono talab għal-lista ta’ xhieda li fadal sabiex jara meta se jkun jista’ jirċievi risposta dwar il-ħelsien mill-arrest.

Illum xehdu wkoll rappreżentanti tal-Go u l-Vodafone. Intant pazjent li jinsab fl-Isptar Monte Karmeli iddeċieda li ma jixhidx.

Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli l-Ġimgħa 23 ta’ Awwissu fejn hemm mistennija tittieħed deċiżjoni fuq il-ħelsien mill-arrest.

Aqra: ‘Ħaddiem’ ta’ El Chapo akkużat li traffika d-droga; jinħeles mill-arrest