Joħodha qatta’ bla ħabel kontra r-razziżmu u l-“moralità falza” f’Malta

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, ħadha qatta’ bla ħabel kontra nies jew gruppi ta’ nies li rikbu fuq il-mewt taż-żagħżugħ Zach Meli f’Paceville biex ikebbsu sentiment li ddeskrivih bħala “perikoluż ħafna”.
Dr Muscat kien qed jitkellem waqt attività politika f’San Ġiljan, meta qal li s-sentiment li ppruvaw iqajmu dawn in-nies, li ma semmiex b’isimhom, huwa razzista u ksenofobiku.
Huwa kien qed jitkellem dwar il-mewt taż-żagħżugħ f’Paceville, li għall-ewwel il-midja qalet li seta’ nqatel b’daqqiet fuq rasu minn Bulgaru, iżda li mill-awtopsja ftit tal-jiem wara rriżulta li ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza fuq ġismu.
“F’dal-pajjiż konna diġà ħa ndendlu lil kull min hu barrani mal-arbli, u għalija din hi kwistjoni gravissima, u ma jimpurtanix ikunx barrani jew le min iwettaq xi reat”, qal il-PM.
Qal li mhux se jħalli dan is-sentiment li qed iqajmu xi wħud jgħaddi mal-oħrajn mingħajr ma jitkellem, u filwaqt li appella għas-sensibbilt, qal li mhux vera li dan il-Gvern qiegħed hawn għall-barrani biss.
“F’pajjiz li sar sinjur żgħir, min se jaħdem ċerti xogħlijiet?”
Dr Muscat sostna li Malta saret pajjiż sinjur żgħir, u dan ifisser li jkollok aktar Maltin li jistudjaw u ma jkunux iridu jagħmlu ċerti xogħlijiet.
Staqsa ’l quddiem min se jnaddaf it-toroq, min se jibni d-djar u jsewwi l-affarijiet, u enfasizza li l-barranin li jiġu jaħdmu Malta joħolqu l-ġid u jħallsu l-bolla li għaliha aktarx lanqas jieħdu pensjoni għax jagġmlu perjodu jaħdmu u jitilqu.
Qal li bil-bolol ta’ dawn jitħallsu l-pensjonijiet tal-Maltin.
Aċċenna għal pajjiżi oħra, li fi kliemu tefgħu l-problema tas-sentiment razzist taħt it-tapit, intrebħu minn partiti estremisti, u llum jinsabu f’baħar inkwiet.
“Dawn il-pajjiżi bnew il-politika tagħhom fuq il-firda, mhux l-għaqda”, qal il-PM.
Ilbieraħ il-Moviment Patrijotti Maltin organizza organizza protesta bit-tema "Dinjità u Sigurtà, li fiha talab biex il-barranin kollha li jwettqu reat kriminali jiġu ddeportati.
Abort: Moraliżmu falz
Dr Muscat tkellem dwar dak li sejjaħlu “moraliżmu falz”, u hawnhekk b’mod aġitat qal li tqażżeż jisma’ l-argumenti ta’ persuni jew għaqdiet li, fi kliemu, “jippritkaw il-morali”, imma li fl-istess ħin rikbu l-argument tal-abort u taw x’jifhmu li f’Malta se jiddaħħal l-abort.
Temm jgħid li hu dejjem kien ċar dwar l-abort, u sa fejn jiftakar hu qal li b’politiku wieħed biss jiftakar li bidel fehemtu dwar l-abort.
Kien qed jitkellem dwar Tonio Borg, li fi kliem Dr Muscat, f’Malta kien kontra l-abort, iżda meta ġie biex jilħaq Kummissarju Ewropew tas-Saħħa u staqsewh jaqbilx jew le, skont Dr Muscat, staqsihom li Malta mod u l-Ewropa mod ieħor.
Dr Muscat beda d-diskors tiegħu wkoll billi rringrazzja lill-Forzi tas-Sigurtà, lill-Forzi Armati ta' Malta, lill-Membri tal-Protezzjoni Ċivili, u finalment lill-Pulizija għax-xogħol li wettqu fl-aħħar jiem, fosthom l-investigazzjonijiet dwar il-bomba li ma ħaditx fil-Fgura, u l-informazzjoni li taw dwar il-qabda ta' 100kg kokaina.