Johnson jikteb lil Tusk biex il-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Ingilterra tibqa’ miftuħa

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson nieda attentat biex jiftaħ mill-ġdid in-negozjati dwar Brexit ilbieraħ filgħaxija. Hu kiteb lill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk biex titneħħa l-backstop Irlandiża, jiġifieri li l-fruntiera bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tibqa’ miftuħa.

Fl-ittra li ġiet ippubblikata mill-uffiċċju tiegħu, Johnson reġa’ talab biex ikun irrevedut il-ftehim ta’ rtirar. Iżda l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea indikaw li mhumiex lesti li jerġgħu iduru l-ftehim, li ħa madwar tliet snin ta’ diskussjonijiet.

Aktar kmieni skont l-uffiċjali, Johnson għamel telefonata ta’ madwar siegħa mal-Irlandiż Leo Varadkar. Madankollu jidher li ftit li xejn ftehmu, iżda rnexxielhom jaqblu biex jiltaqgħu f’Dublin ix-xahar id-dieħel.

Fl-ittra, Johnson qal li l-Ingilterra hija lesta li tħares lejn liema impenji jistgħu jgħinu biex jipprovdu kunfidenza dwar x’jiġri jekk tali arranġamenti ma kinux fis-seħħ kompletament fi tmiem dak il-perjodu.

Il-backstop se tkun qed tisforza lill-Ingilterra timxi ma’ xi regoli tal-Unjoni Ewropea jekk ma tinstab l-ebda soluzzjoni biex tinżamm miftuħa l-fruntiera bejn it-Tramuntana tal-Irlanda li hi mmexxija mill-Ingliżi u l-parti tal-Irlanda li hi membru fl-Unjoni Ewropea. L-Irlandiżi jemmnu li din hi kruċjali biex tinżamm il-paċi.