Johnson iħeġġeġ lill-ġenituri biex jibagħtu lil uliedhom lura l-iskola

Read in English.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ħeġġeġ lill-ġenituri kollha biex jerġgħu jibagħtu lil uliedhom lura l-iskola x-xahar id-dieħel meta jispiċċaw il-vaganzi tas-sajf, għax hu jħoss li dan huwa pass importanti sabiex il-pajjiż jerġa’ lura fuq saqajh u biex l-ekonomija tirkupra mil-lockdown tal-coronavirus.

Johnson kompla jenfasizza fuq il-pariri mediċi li ngħataw fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet, meta esperti mediċi esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-istudenti li qed jiffaċċjaw riskji akbar jekk jibqgħu jitilfu l-edukazzjoni milli jekk jimirdu bil-virus.

“Ir-riskju li t-tfal jaqbdu l-COVID-19 fl-iskejjel huwa żgħir ħafna, u huwa ħafna aktar ta’ periklu l-effett negattiv fuq l-iżvilupp, is-saħħa u l-benesseri tagħhom jekk jibqgħu ma jattendux l-iskola,” qal Johnson fi stqarrija.

“Għalhekk, huwa tassew importanti li t-tfal jirritornaw lura fil-klassijiet tagħhom sabiex ikomplu bit-tagħlim tagħhom u biex jiltaqgħu ma’ sħabhom. Xejn mhu se jkollu effett akbar fuq il-ħajja ta’ uliedna mir-ritorn tagħhom lura lejn l-iskola.”

L-iskejjel għalqu l-bibien tagħhom f’Marzu, ħlief għat-tfal ta’ ħaddiema tal-emerġenza, u reġgħu fetħu f’Ġunju għal numru limitat ta’ studenti.

Il-fatt li t-tfal jerġgħu jibdew jattendu l-iskola jagħti l-opportunità lill-ġenituri li jirritornaw lejn il-post tax-xogħol tagħhom, fatt li l-gvern qed jinkoraġġixxi sabiex l-ekonomija tirkupra mit-tnaqqis rekord ta’ 20% matul it-tieni kwart tas-sena.

Madankollu, il-ġimgħa l-oħra kien hemm tnaqqis fil-fiduċja fl-istrateġija tal-gvern fir-rigward tal-edukazzjoni meta l-Ministru għall-Edukazzjoni Gavin Williamson kellu jirtira deċiżjoni li kienet ittieħdet dwar ir-riżultati tal-eżamijiet.

L-uffiċjali mediċi għolja għall-gvernijiet tal-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq nhar is-Sibt qalu li kien hemm rata tassew baxxa ta’ infezzjoni qawwija fit-tfal, anke jekk dawn jimirdu bil-COVID-19, u r-riskju ta’ mewt huwa tassew baxx.

Stħarriġ ippubblikat mill-kumpanija YouGov fl-4 ta’ Awwissu wera li 25% tal-persuni li rrispondew jemmnu li l-iskejjel m’għandhomx jerġgħu jiftħu f’Settembru, filwaqt li 57% tar-rispondenti jgħidu li t-tfal għandhom jirritornaw lura fil-klassijiet.