Johnson ifittex li jtejjeb ir-relazzjoni dgħajfa mal-Iskozja

Jessica Taylor/Handout via REUTERS

Il-Prim Ministru Boris Johnson se jfittex li jnaqqas it-tensjoni li hemm ma’ l-Iskozja waqt żjara li huwa mistenni jagħmel il-Ħamis filwaqt li saħaq li l-kriżi ta’ COVID-19 uriet is-saħħa kollettiva tar-Renju Unit.

Ir-rabtiet li hemm bejn l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq qalgħu daqqa ta’ ħarta bil-kwistjoni ta’ Brexit u bil-pandemija tal-coronavirus. Il-gvern Skoċċiż li huwa favur l-indipendenza, qed jopponi li jitlaq mill-Unjoni Ewropea u akkuża lil Johnson għall-iżbalji li wettaq fir-reazzjoni għall-COVID-19.

Johnson mistenni jivjaġġa lejn l-Iskozja sabiex jiltaqa’ ma’ negozji u membri tal-militar, wara sena minn mindu nħatar Prim Ministru sabiex itenni l-impenn tiegħu li jkabbar l-opportunitajiet u l-ġid għal kull reġjun tar-Renju Unit.

“Dawn l-aħħar sitt xhur urew eżattament għalfejn ir-rabtiet storiċi li jeżistu bejn l-erba’ nazzjonijiet ta’ pajjiżna huma daqshekk importanti u s-saħħa ta’ l-unjoni tagħna, għal darb’oħra reġgħet dehret biċ-ċar,” qal Johnson f’stqarrija qabel din iż-żjara.

Johnson mistenni jirringrazzja lill-forzi armati għar-rispons tagħhom fil-konfront tal-coronavirus, rispons li kien jinkludi l-ftuħ ta’ siti għall-ittestjar u t-trasferiment ta’ pazjenti.

Fl-2014, l-Iskozja kienet ivvutat li tibqa’ parti mir-Renju Unit iżda l-istħarriġ ikompli juri li għad hemm qasma kbira dwar din il-kwistjoni u l-appoġġ għall-indipendenza bħalissa huwa ikbar mill-appoġġ għall-unjoni.

Il-Partit Nazzjonali Skoċċiż li jmexxi l-gvern semi-awtonomu ta’ l-Iskozja, akkuża lil Johnson għall-mod xejn strutturat ta’ komunikazzjoni dwar dak kollu li kellu x’jaqsam mal-coronavirus u ddeċieda li jimplimenta strateġija ta’ lockdown differenti u indipendenti minn dik ta’ Londra.

“L-unika raġuni għalfejn Boris Johnson ġej hawnhekk illum hija għaliex jinsab f’paniku kbir dwar il-fatt li iżjed u iżjed nies iridu l-indipendenza,” qal id-deputat mexxej Keith Brown.