John Travolta jfaħħar lil Olivia Newton-John fil-ġlieda tagħha kontra l-kanċer

L-attur John Travolta qed jgħaddi kliem ta’ tifħir għall-ħabiba antika tiegħu Olivia Newton-John li qed tiġġieled il-marda tal-kanċer. L-attur ċelebri l-ġimgħa l-oħra kien miexi fuq it-tapit l-aħmar f’Hollywood fl-okkażjoni tal-premiere tal-film ġdid tiegħu The Fanatic meta waqqfu stazzjon tat-TV biex jgħaddi xi kummenti.

John Travolta, ta’ 65 sena, mill-ewwel semma lill-attriċi u kantanta li ħadmet miegħu fil-film Grease fl-1978. Hu qal li l-mara hi inkredibbli u ma tidher xejn differenti minn mindu sar jafha l-ewwel darba.

“Tassew kburi biha,” kompla l-attur. “Olivia hi persuna mill-aqwa u ta’ ispirazzjoni għal miljuni ta’ nisa madwar id-dinja kollha. Jekk ngħinuna bi ħsiebna f’dak li għaddejja minnu bħalissa ibqgħu ċerti li hi tħoss l-appoġġ li nagħtuha. Aħna nħobbuha u hi tħobbna.”

Dan l-aħħar Olivia Newton-John, li tagħlaq 71 sena f’Settembru, qalet li l-kanċer li kellha f’sidirha nfirxilha għal daharha. Bintha Chloe Lattanzi qalet li ommha qed tiġġieled il-kanċer b’rimedji naturali u anki b’mediċini moderni. Imma sostniet li “ommi hija tant qawwija li fl-aħħar se tirbaħ lill-marda.”

Olivia saret taf li kellha l-kanċer f’sidirha fl-1992 fl-istess ġranet li miet missierha. Wara kors ta’ kimoterapija u operazzjoni f’sidirha kien inqal li fieqet. Imma l-kundizzjoni tal-marda reġgħet tfaċċat u f’Jannar li għadda Olivia qalet li l-kanċer għallimha jkollha kompassjoni ma’ dawk li jgħaddu minn dak iż-żmien diffiċli.