Aġġornata: Rizzo kien se jipproċedi kriminalment kontra Dalli

Aġġornata: 
L-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo, fix-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi fil-Parlament dalgħodu, qal li l-investigazzjoni tiegħu fil-konfront tal-Maltin akkużati mill-OLAF b'tixħim kienet tlestiet u kien se jressaq akkużi kriminali anke fil-konfront ta' John Dalli, minbarra dawk li ressaq fil-konfront ta' Silvio Zammit.
Qal li dan ma seħħx biss peress li xtaq jiċċara xi punti li kellu ma' Dalli iżda l-avukat tiegħu kien qed jinforma lill-Pulizija kontinwament li Dalli ma kienx f'kundizzjoni li jivvjaġġa, għal raġunijiet mediċi u psikoloġiċi. 
Qal li meta Dalli rritorna Malta lejn l-aħħar ta' Marzu jew bidu t'April hu ma ġiex infurmat, la minn Dalli stess u lanqas mill-avukat tiegħu, iżda Rizzo kien jaf biss li Dalli "kellu jidħol Malta". 
Mistoqsi mill-Oppożizzjoni dwar għaliex tneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija fit-12 t'April, Rizzo qal li "ġejt ordnat biex inservi fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u nħarġu ordnijiet bil-miktub mill-Prim Ministru". L-ordnijiet inħarġu wara diskussjonijiet mal-Prim Ministru li fihom Joseph Muscat qallu li taħtu l-Korp tal-Pulizija kien mexa 'l quddiem iżda kien ilu fil-kariga 12-il sena u "12-il sena hu żmien twil". Qal li fil-laqgħa twila ta' iktar minn siegħa, qatt ma tkellmu dwar każi partikolari. "Din hi deċiżjoni tal-Prim Ministru, ħass li kellu bżonn is-servizzi tiegħi fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili u jien, bħala uffiċċjal pubbliku, obbdejt". Qal ukoll li t-tliet membri l-oħra tat-tim investigattiv li waqqaf hu biex jinvestiga mill-ġdid il-każ, illum qed iservu f'karigi oħra fi ħdan il-korp.
Qal li l-Kummissarju tal-Pulizija ta' warajh, Peter Paul Zammit, qatt ma kellmu dwar dan il-każ. 

Iktar kmieni, Rizzo qal li hu sar jaf dwar dan il-każ wara li avviċinah l-Avukat Ġenerali Peter Grech li kien irċieva rapport mill-OLAF dwar allegazzjoni ta' tixħim li kienet tinvolvi lill-Maltin Silvio Zammit, John Dalli u l-avukat Gayle Kimberly. Saħaq li hu ma qagħadx fuq dak li qalet l-OLAF imma waqqaf tim investigattiv li investiga lil kull persuna involuta. It-tim kien magħmul mid-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Joe Cachia, l-Assistent Kummissarju Michael Cassar u l-ispettur Angelo Gafa' mit-Taqsima tal-Frodi. 
Mistoqsi mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said għaliex tressqu akkużi kriminali kontra persuna (Zammit) u mhux kontra l-oħra (Dalli) u għaliex Dalli ma ntlabx li jinġab lura Malta, Rizzo qal li membru tat-tim investigattiv tiegħu kien f'kuntatt kontinwu mal-avukat tiegħu li kien kontinwament jgħidlu li ma jistax jivvjaġġa. Qal li fl-ebda ħin ma kien infurmat li Dalli kien maħrub, għalhekk il-Pulizija kienet qed tistenna. Qal ukoll li hu waħdu ħass li ma kellux iressaq ċitazzjoni fil-konfront ta' Kummissarju tal-UE lejlet elezzjoni ġenerali.
Mistoqsi kemm-il darba jekk kienx hemm xi ħadd mill-Gvern Nazzjonalista ta' dak iż-żmien li intervjena, Rizzo insista li le u li d-deċiżjoni ħadha waħdu.
Qal li tul l-investigazzjoni, kellu pressjoni kontinwa mill-istampa u mill-Parlament – permezz ta' stqarrijiet – jistaqsu fhiex kienet waslet l-investigazzjoni u għaliex Dalli kien tneħħa minn Kummissarju Ewropew. Qal li fl-ebda ħin ma kellu pressjoni minn xi ħadd individwali.

John Rizzo kien l-uniku xhud li tressaq fil-laqgħa tal-lum wara li l-laqgħa preċedenti -li fiha kellu jagħti x-xhieda tiegħu Giovanni Kessler mill-OLAF- kienet ġiet posposta wara ittra minn Kessler jinforma lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li ma kienx se jidher quddiem il-Kumitat tal-Parlament
Il-Kumitat tal-Privileġġi qed jiddiskuti l-każ li qajjem il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wara dikjarazzjoni ta’ Busuttil fil-Parlament f’Settembru, li kien hemm indħil politiku fuq il-Kummissarju ġdid tal-Pulizija Peter Paul Zammit u li wassal biex jitwaqqa’ l-każ kontra Dalli f’Malta. 
Chris Said, f'isem l-Oppożizzjoni, qal li fil-laqgħa li jmiss l-Oppożizzjoni se titlob ix-xhieda tal-eks Deputat Kummissarju Joe Cachia u tal-Aġent Kummissarju tal-Pulizija attwali Ray Zammit. Il-laqgħa li jmiss mistennija ssir fil-15 t'Ottubru, wara li jiftaħ il-Parlament il-ġdid, u tibda bix-xhieda ta' Giovanni Kessler. 
John Dalli kien talab li jattendi l-laqgħa li fiha jixhed Kessler, biex jikkonfrontah, u talbu jippreżenta dokumenti partikolari.