John Mamo jinħatar Ċermen tal-MFSA

Il-Professur John Mamo ġie maħtur bħala Ċermen tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) filwaqt li Andre Psaila u Mario Borg ġew maħtura bħala Gvernaturi.
Dan wara li l-Ġimgħa li għaddiet saret laqgħa tal-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi li fiha kemm il-Gvern u anki l-Oppożizzjoni taw rakkomandazzjoni pożittiva għal ħatra taċ-Ċermen.
Il-Professur Mamo huwa avukat u għal żmien twil kien lettur fl-Università ta’ Malta. FL-1991 huwa kien membru tal-Kummissjoni Permanenti għar-Riforma fil-Liġi u fl-2002 ġie maħtur bħala l-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data. Serva f’numru ta’ Bordijiet ta’ kumpaniji kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Silvio Schembri feraħ lill-Professur Mamo u awgura wkoll liż-żewġ Gvernaturi l-ġodda f’din l-isfida ġdida.
F'Diċembru li għadda, il-Prim Ministru kien ħabbar li l-Professur John Mamo kien inħatar Ċermen mhux Eżekuttiv filwaqt li ħabbar ukoll li Bannister kien se jirriżenja fl-aħħar ta' Marzu.