John Dalli u Josè Manuel Barroso għall-Qorti nhar it-Tnejn

Nhar it-Tnejn u t-Tlieta li ġej fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu se jixhdu l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Josè Manuel Barroso. Huma se jixhdu dwar il-każ ta’ John Dalli, li kien imġiegħel jirriżenja minn Kummissarju Ewropew minħabba allegazzjonijiet li kien involut f’korruzzjoni fl-industrija tat-tabakk.
Fi stqarrija konġunta, żewġ Membri Parlamentari Ewropej mill-grupp tal-Ħodor, qalu li jekk il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed evidenza li John Dalli kellu raġun, il-President Barroso se jkollu l-inkwiet.
Josè Bovè u Bart Staes sostnew li l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli se jikseb il-kredibiltà jekk jirriżulta li l-kwistjoni kienet falza biex jeħilsu minn John Dalli. Qalu wkoll li f’dik l-eventwalità, il-Kummissjoni Ewropea u l-OLAF iridu jispjegaw għalfejn sar dan kollu.
Josè Manuel Barroso se jkollu jixhed fil-pubbliku għall-ewwel darba, erba’ xhur biss qabel ma tiġi fi tmiemha l-Presidenza tiegħu.