John Dalli se jippromwovi l-blockchain barra minn Malta

Capture_John_Dalli

Il-kumpanija QuickX Protocol ħatret lill-eks Kumissarju Ewropew u eks Ministru għall-Finanzi John Dalli fuq il-bord konsultattiv tal-kumpanija biex jippromwovi t-teknoloġija tal-blockchain.
Fi stqarrija l-kumpanija start-up Indjana qalet li 200 persuna attendew għall-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie ppreżentat John Dalli bħala membru tal-bord konsultattiv.
Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fi New Delhi fl-Indja.
Rapporti internazzjonali kkwotaw lil Dalli jgħid li jinsab kuntent li jifforma parti mill-kumpanija u li se jieħu din l-opportunità biex jippromwovi u jissapportja din it-teknoloġija f'Malta u f’livell internazzjonali.
Qal li l-Blockchain hija teknoloġija li tmur lil hinn mill-kwistjonijiet tekniċi. Spjega li blockchain tfisser it-twassil ta' informazzjoni direttament bejn in-nies involuti li jevitaw kwalunkwe dejta ċentralizzata li taqbad u taħżen servers li huma kkontrollati minn gvernijiet u negozji kbar.
Il-Fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ QuickX Vaibhav Adhlakha tkellem b’mod pożittiv dwar Dalli u dwar Malta qal li qed tadotta politika favur il-blockchain.
"Ninsabu kuntenti ħafna li jkollna lill-eks Ministru għall-Finanzi Malti s-Sur John Dalli magħna llum. Bħala QuickX aħna naħdmu biex inżidu l-użu tat-teknoloġija eżistenti ta' blockchain u nemmnu li Malta, bħala pajjiż sabiħ, jaqsam l-istess viżjoni tagħna", sostna Vaibhav Adhlakha.
Ritratt: Twitter