John Dalli jistaqsi fuq xhix kienu bbażati l-provi kontrih

L-eks Ministru Nazzjonalista John Dalli fil-Qorti sostna li hu għadu Kummissarju Ewropew.
Dalli qal dan meta kien qed jixhed fil-każ li jikkonċerna lil Silvio Zammit ta’ 48 sena minn Tas-Sliema, li jinsab mixli b’tixħim u li pprova jinfluwenza d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea.
Fil-Qorti, John Dalli sostna li lil Zammit kien jafu għaliex fl-2008 kien wieħed mill-kanvassers tiegħu, qal li kien ħabib tiegħu iżda miegħu qatt ma tkellem dwar flus.
John Dalli qal li kien il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso li ma riedx li l-liġi tat-tabakk fl-Ewropa tinbidel.
Qal li Barroso ma riedx iħalli jara r-rapport tal-OLAF u qallu li kien wieħed kunfidenzjali.
John Dalli sostna li Barroso qallu biex ifittex parir ta’ avukat u tah nofs siegħa biex jitlaq mill-Kummissjoni.
Saħaq li Barroso qallu li jekk ma kienx se jitlaq minn jeddu kien se jkeċċieh
Staqsa jekk il-provi li kellu l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo humiex ibbażati fuq tape ta’ recording bejn l-Ewroparlamentari José Bove u r-rappreżentant ta’ Swedish Match Johann Gabriellson.
Dalli enfasizza kif ħadd ma staqsa lill-eks Kummissarju meta saritlu l-pressjoni dwar dan il-każ u staqsa jekk din saritlux fl-10 ta’ Diċembru meta waqa’ l-Gvern.
John Dalli ċaħad ukoll li kienet saret laqgħa ma’ Gale Kimberley u Silvio Zammit u li dan il-laqgħat kienet irrappurtata lil Direttur ta’ Swedish Match.
Sostna li kien iltaqa’ ma’ Zammit għal 10 minuti fejn tkellem miegħu dwar il-Partit Nazzjonalista, li ma kienx se jħalli lil Zammit jikkontesta l-elezzjoni lokali f’Tas-Sliema.