John Dalli jgħid li Rizzo kellu żmien biżżejjed biex jinterrogah

L-eks Kummissarju Ewropew John Dalli qal li l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo seta’ interrogah f’żewġ okkażjonijiet, qabel ma telaq minn Malta biex jiftaħ proċeduri legali kontra Swedish Match u l-Kummisjoni Ewropea u meta wasal lura Malta, għaliex fi kliemu John Rizzo kien għadu Kummissarju.
Fi stqarrija John Dalli qal li John Rizzo għadu ma kkonkludix l-investigazzjoni u dan għaliex ma interrogahx u għalhekk jistaqsi kif wasal għall-konklużjoni li kien se jipproċedi kriminalment kontrih.
John Dalli għamel din l-istqarrija wara x-xhieda tal-eks Kummissarju tal-Pulizija quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi fil-Parlament.
Fl-istqarrija, Dalli qal li kieku kellu l-opportunità li jitkellem ma’ Rizzo kien jistaqsih dwar ir-rapport tal-OLAF u dwar il-laqgħa li ma’ Johann Gabrielsson.
L-eks Kummissarju Ewropew insista li Gabrielsson, li huwa uffiċjal ta’ Swedish Match, ingħata l-parir mill-OLAF u l-Pulizija f’Malta biex dejjem jgħid l-istess stqarrija dwar il-laqgħa ta’ Frar tal-2012, li fi kliem Dalli din l-istqarrija hija gidba.
John Dalli jistaqsi wkoll kif John Rizzo ma ħax proċeduri kontra Gabrielsson fuq l-istqarrija serja li għamel.