John Dalli f’laqgħa mal-PM wara l-allegazzjonijiet tal-vjaġġ lejn il-Bahamas

L-eks Kummissarju Ewropew John Dalli sostna li ma rriżulta l-ebda tibdil fl-irwol il-ġdid tiegħu. Dan wara l-laqgħa li Dalli kellu mal-Prim Ministru Joseph Muscat wara r-rapporti dwar il-vjaġġ lejn il-Bahamas. John Dalli sostna li l-laqgħa mal-Prim Ministru spiċċat fuq nota pożittiva u saħansitra wera dokumenti lill-Prim Ministru, liema dokumenti ma jistax jurihom lill-mezzi tax-xandir.

Dalli mar il-Bahamas f’Lulju tas-sena li għaddiet u tul iż-żjara tiegħu qgħad ġo villa mikrija minn kumpanija tad-deheb Maltija li saħansitra hi involuta fi proġett ta’ karità fl-Afrika. Dalli nsista li fiż-żjara tiegħu fil-Bahamas, hu kien involut f’diskussjonijiet dwar proġett filantropiku biex jgħin persuni Afrikani.

Aktar kmieni, John Dalli diġa sostna li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel minn kollox biex tpoġġieh f’dell ikrah u anke żvela kif il-ġurnalist tal-Herald Tribune indikalu li persuni mill-Kummissjoni stess ħarġu bl-allegazzjonijiet dwar il-vjaġġ lejn il-Baħamas.