John Bonello jinħatar chairman ġdid ta’ HSBC Malta

John Bonello nħatar iċ-chairman il-ġdid ta’ HSBC Bank Malta p.l.c., wara li Sonny Portelli  ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jirriżenja wara 12-il sena servizz. Dan tħabbar matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret f’April. Sonny Portelli se jirtira bħala Chairman u Direttur tal-Bank wara l-approvazzjoni regolatorja taċ-Chairman il-ġdid.

John Bonello nħatar Direttur Mhux Eżekuttiv tal-HSBC Malta f’Lulju tal-2013 u bħalissa hu iċ-chairman tal-Kumitat tal-Verifika tal-Bank u Membru tal-Kumitat tar-Riskju tal-Bank. Hu Accountant Chartered u Certified Public Accountant u qabel kien iċ-chairman u l-imsieħeb anzjan tal-PwC f’Malta, minn liema kariga hu rtira minna f’Diċembru tal-2009.

Andrew Beane, id-Direttur Eżekuttiv u Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, qal: “Nixtieq nagħti ġieħ liċ-chairman tagħna Sonny Portelli wara 12-il sena servizz. Sonny mexxa l-Bank tagħna b’mod distint matul perjodu li kien ta’ bidla bla preċedent fl-industrija tas-servizzi finanzjarji. B’ringrazzjamenti u ammirazzjoni tagħna lejh, nawguraw lilu u lill-familja tiegħu futur tajjeb.

“Jien ninsab kuntent u nawgura lil John Bonello għall-ħatra tiegħu, li hi suġġetta għall-approvazzjoni regolatorja, bħala ċ-chairman li jmiss ta’ HSBC Malta. John ilu Direttur mhux Eżekuttiv ta’ HSBC Malta għal kważi sitt snin u diġà jaf tajjeb ħafna n-negozju tagħna. Ir-rispett kbir li John għandu lokalment u fil-Grupp HSBC jagħmluh il-persuna ideali biex imexxi l-Bord ta’ HSBC Malta fil-fażi li jmiss tal-istrateġija tagħna.”

Sonny Portelli qal: “Kien unur u privileġġ għalija li nservi bħala ċ-Chairman ta’ HSBC Malta għal dawn l-aħħar 12-il sena. Matul dan il-perjodu, ħdimt mat-tim eżekuttiv ta’ HSBC, li hu tim b’talent u ddeterminat, u nixtieq lilhom kollha l-isbaħ xewqat għall-futur. Nixtieq ukoll nieħu din l-okkazjoni biex nestendi l-awguri tiegħi lil John għall-ħatra tiegħu li jiena ċert li se jmexxi l-HSBC Malta bi tmexxija eminenti u b’viżjoni strateġika. Bħala Bank, aħna nemmnu li  dejjem għandna nagħmlu l-aħjar ħaġa, għalhekk hu xieraq li nħalli din il-kariga wara li tajt is-sehem tiegħi għal 12-il sena konsekuttiva, li hu t-terminu massimu possibbli, kif mandat mill-aqwa linji gwida dwar il-governanza.”

John Bonello qal: “Nixtieq nestendi l-isbaħ xewqat tiegħi u ringrazzjament lill-kollega u ħabib tiegħi Sonny. Hu kien Chairman eċċezzjonali għall-Bord tagħna matul perjodu ta’ bidla kbira fil-Bank. L-esperjenza u l-kwalitajiet personali tiegħu għenuh imexxi l-Bord b’kuraġġ u b’integrità bla waqfien.

“Jiena onorat ħafna li l-maġġoranza tal-azzjonisti poġġew il-fiduċja tagħhom fija billi ħatruni  Chairman. Hekk kif nidħlu fil-fażi li jmiss, il-Bord tagħna se jkompli jappoġġja t-timijiet eżekuttivi u maniġerjali tagħna billi nkomplu nibnu Bank aktar b’saħħtu u aktar sigur iffukat fuq il-konsumatur fl-interess tad-depożitanti, tal-klijenti, tal-azzjonisti, tal-impjegati, tal-marka u tal-ġurisdizzjoni kollha kemm hi.”