Jogħla l-prezz tal-minibuses “minħabba l-iskema tal-Gvern”

Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta mhux qed isibu minibuses biex jikruhom kull filgħodu miċ-Ċirkewwa lejn il-post tax-xogħol tagħhom u lura waranofsinhar. Dan minħabba li l-iskema tal-Gvern għat-trasport b’xejn għall-istudenti wasslet biex l-operaturi jżidu l-prezz minħabba n-nuqqas ta’ provista.

Dan qaluh grupp ta’ għalliema Għawdxin li ta’ kuljum jaqsmu bejn Għawdex u Malta biex imorru għax-xogħol fi skejjel f’Malta.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt ħaddiem Għawdxi qal li minflok il-vapur tas-6.45am u lura tat-3pm, issa se jkollhom jaqbdu tas-6am jew ta’ qabel u jiġu lura ma’ tal-4.30pm għax se jużaw it-trasport pubbliku.

L-għalliem li tkellem ma’ Newsbook.com.mt spjega li filli kienu jħallsu €30 kull ġimgħa għal kull persuna iżda issa l-operaturi qed jitolbuhom €58, allura jispjega li dan ma baqax vijabbli.

Din iż-żieda konsiderevoli fil-prezz qed tiġi attribwita għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni li qed iħallas iktar għal kull minibus biex jassigura li l-iskema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti titħaddem tajjeb u jkun hemm biżżejjed minibuses biex joperaw is-servizz.

Dwar dan tkellem ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin f’Malta (AGEM) Sean Zammit waqt il-programm Newsline. Huwa spjega l-proposta tagħhom lill-Gvern fejn qed jissuġġerixxu li ljkun hemm sussidju għall-vjaġġ bil-minibus.

Spjega li sa issa l-Gvern qed jissussidja l-vapur għall-Għawdxin imma mhux it-trasport miċ-Ċirkewwa għar-rotot tal-ħaddiema. Qal li l-ħaddiema ġew avżati li l-prezz se jerġa’ jogħla. Qal li r-rotot b’tal-linja mhux vijabbli għall-ħaddiema li jkollhom jgħaddu minn għadd ta’ rħula sa ma jaslu għax-xogħol.