Jogħla l-prezz ta’ tip ta’ diesel

Il-Partit Nazzjonalista qal li żdied il-prezz tad-diesel advance filwaqt li l-Partit Laburista ċċara li dan huwa prodott li tpoġġa fis-suq minn kumpanija privata.

Fi starrija, il-PN qal li kien hemm “żieda fil-prezz tad-diesel li toħloq piżijiet ġodda fuq il-familji u l-industrija”.

F’reazzjoni għal dan il-PL qal li “l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel m’għolewx u baqgħu stabbli”.

Il-PN qal li d-diesel advance żdied bi 13-il ċenteżmu. Qabel kull litru kien jiswa €1.25. Skont il-partit, it-tibdil sar mingħajr ma ġew infurmati l-konsumaturi minn qabel.

Skont il-PL, il-Gvern m’għandu ebda sehem jew saħħa fuq il-prezz ta’ dan il-prodott partikolari.

Il-PL qali li l-istqarrija tal-PN turi li m’għandhomx ħjiel ta’ x’qed jiġri fis-suq tal-enerġija għax id-diesel advance jinsab f’idejn il-privat.