Joġġezzjonaw għall-iżvilupp ta’ “monstrożità” f’San Lawrenz

Ir-residenti ta’ Triq il-Wileġ f’San Lawrenz u ż-żona tal-madwar qegħdin joġġezzjonaw mal-Awtorità tal-Ippjanar fuq permess ġdid għall-bini ta’ 5 sulari appartamenti.

Il-permess (PA/10050/18) ingħata f’isem Mark Agius permezz tal-Perit Emmanuel Vella, għall-bini ta’ 14-il appartament, imqassma f’5 sulari.

Dr Alfred Grech, li kien dak li ressaq l-oġġezzjoni, qal li 90% tar-residenti jappoġġjaw l-oġġezzjoni tiegħu għax il-binja mhix se sservi lill-komunità u l-bżonn tal-komunità għal akkomodazzjoni affordabbli fiż-żona.

Huwa kompla jgħid li l-binja se tkun estetikament kerha wkoll u monstrożità arkitetturali fi triq tradizzjonali Maltija, li tkun tidher minn kull direzzjoni, anke mill-bogħod.

Huwa mifhum li anke l-kunsill lokali u s-Sovritendenza tal-Patrimonju qegħdin joġġezzjonaw għal din il-binja.