Joġġezzjonaw għal bini ta’ ħames sulari f’Birkirkara

Ir-residenti ta’ Birkirkara qed jappellaw il-permess ta’ bini ta’ blokk ta’ appartamenti ta’ ħames sulari li jinsab barra l-qalba tal-lokalità.
L-applikazzjoni ġiet approvata mill-Kummissjoni tal-Ippjanar b’mod unanimu f’Ottubru li għadda, minkejja li fost dawk li oġġezzjonaw, kien hemm uħud li qalu li l-applikazzjoni tmur kontra numru ta’ politiki.
Fi stqarrija l-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li dan huwa każ ieħor fejn ir-restrizzjonijiet għandhom lok għal interpretazzjoni laxka dwar l-limitazzjoni fuq l-għoli ta’ bini ġoċ-ċentru l-qadim tal-bliet u l-irħula.
L-FAA rrimarkat kif interpretazzjonijiet ta’ regoli b’mod li mhux sostenibbli qed issir in-norma. L-għan ta’ dawn ir-regoli huwa li jissalvagwardjaw lill-pubbliku u lill-ambjent. Iżda qed ikunu injorati jew jitilfu l-qawwa tagħhom b’tali mod li jippermettu li jinbena l-ammont massimu ta’ sulari.
Kelliema għall-FAA qalet li huwa redikolu li qed jispiċċaw jiġġieldu biex regolamenti tal-ippjanar ikunu implimentati, meta suppost qed jiġu imposti mill-Awtorità tal-Ippjanar.