​Joffrulhom ikla b’xejn talli damu jistennew il-bagalji

Il-kumpanija responsabbli mill-bagalji fl-ajruport qed toffri ikla b’xejn lill-passiġġieri li nhar it-Tlieta kellhom jistennew għal iktar minn siegħa biex jitniżżlu l-bagalji tagħhom mill-ajruplan.
Il-kumpanija Aviaserve bagħtet imejl lill-passiġġieri li f’Jum Santa Marija waslu Malta fil-11.14pm fuq it-titjira tar-RyanAir minn Treviso u l-ewwel bagalji daħlu fin-00.31am.
Newsbook.com.mt irrapporta kif l-irjus saħnu daqstant li wieħed mill-passiġġieri spiċċa nfexx f’impjegata meta ħatafha minn għonqha waqt li kien qed jgħajjat.
L-uffiċjal ewlieni tal-kumpanija, Joe Bajada, talab skuża lill-passiġġieri għall-“esperjenza frustranti” li kellhom.
Spjega li ċaqlieq ta’ ajruplani mhux skedati rriżulta f’konġestjoni li affetwat il-ġarr tal-bagalji mill-ajruplan lejn it-terminal. Qal li ttieħdu miżuri biex dan l-inċident ma jerġax iseħħ.
Bil-ħsieb li dawk affetwati jkollhom esperjenza aktar pożittiva fl-ajruport, il-kumpanija offriet ikla b’xejn f’wieħed mill-istabbilimenti tal-ajruport.