Għamilna ħafna ġid; minħabba l-qtil ta’ Daphne ntefa’ dell ikrah fuqna – Gasan

Mark and Joe Gasan entering court public inquiry
Miguela Xuereb

Read in English.

Iċ-Chairman ta’ Gasan Enterprises Joe Gasan u l-Kap Eżekuttiv Mark Gasan xehdu quddiem il-bord tal-inkjesta pubblika.

L-inkjesta pubblika fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġiet imwaqqfa biex tiddetermina jekk l-istat setax jipprevjeni milli jseħħ il-qtil.

Il-familja Gasan ħabbret li qed tfittex li toħroġ mill-konsorzju Electrogas. Fil-pubbliku ntqal ukoll li ma tridx tkun marbuta mal-kontroversja tal-proġett tal-powerstation. Il-kumpanija Gasan għandha 11.72% tal-ishma.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Mark Gasan qal li ma kienx jaf bis-sapport ta’ Konrad Mizzi għall-proġett jew bl-involviment ta’ Keith Schembri fih
  • Dr Therese Comodini Cachia qalet li l-Electrogas qasmet is-CVs tal-applikanti ma’ Konrad Mizzi; Mark Gasan ma kienx jaf
  • Joe Gasan ma jemminx li l-qtil ta’ Daphne kellu x’jaqsam mal-Electrogas; jekk Electrogas kienet involuta, il-Gasan Group ma jridx ikollu x’jaqsam magħha
  • Gasan qal li huma għamlu ħafna affarijiet tajbin u ħolqu ħafna impjiegi; minħabba l-allegat involviment tagħhom fil-“qtil orribbli” ta’ Daphne Caruana Galizia ntefa’ dell ikrah fuq Gasan Group
  • Joe Gasan qal li Yorgen Fenech dejjem ċaħad magħhom li hu sid 17 Black; siefer Londra biex jiltaqa’ ma’ avukat ħalli jiftaħ proċeduri biex inaddaf ismu
  • Wara li ħarġu dawn l-allegazzjonijiet, Fenech donnu għeb u ma baqax jattendi l-board meetings
  • Joe Gasan ma kienx jaf fuq il-ftehim ta’ Montenegro
  • Ma kienx jaf li Fenech kien qed jippjana proġett simili għal tal-Electrogas fil-Bangladesh

Mill-qorti minuta b’minuta…

12:51 Grazzi talli segwejtuna. Il-kumplament tal-ġurnata t-tajba!
Sephora Francalanza
12:50 Is-seduta li jmiss se ssir l-Erbgħa fid-9.30am. Dakinhar jixhed AC Mamo.
Sephora Francalanza
12:50 Is-seduta se tintemm hawn.
Sephora Francalanza
12:49 Dr Comodini Cachia tistaqsi jekk il-Gasan Group kienx ivverifika l-qagħda finanzjarja ta' Gasol indipendentament.

Gasan jgħid li jiftakar li kien hemm tħassib fuq dan u għalhekk talab garanzija mingħand SOCAR.
Sephora Francalanza
12:48 Mistoqsi kienx jaf li Yorgen Fenech kien qed juża l-qafas tal-proġett biex jipproponi proġett simili fil-Bangladesh, Gasan jgħid li le, u jistaqsi, donnu ma jridx jemmen, "Fil-Bangladesh?!?"
Sephora Francalanza
12:48 Hu ma staqsiex għaliex Musayev irriżenja fl-istess perjodu li rriżenja Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
12:47 Iżid li ma kienx jaf fuq Turab Musayev jew il-konnessjoni ma' Montenegro.
Sephora Francalanza
12:47 Jgħid li ma kienx konxju li l-proġett kellu s-sapport ta' Keith Schembri, Konrad Mizzi u Ronald Mizzi, fost l-oħrajn.
Sephora Francalanza
12:45 L-avukata tgħid li l-Awditur Ġenerali qajjem tħassib fuq kif intgħażel il-proġett, fuq l-irwol ta' Nexia BT fil-proċess tal-għażla.

Tgħidlu, "Imma Nexia BT mhux awdituri ta' GEM? Ma tlabthomx biex ineħħu lil Nexia? Ma ħassejtx il-ħtieġa tagħmel dan?"

"Le," iwieġeb ix-xhud.
Sephora Francalanza
12:45 Comodini Cachia tistaqsih x'kienu qegħdin jagħmlu bejn l-2018 u din is-sena. Jgħidilha li bdew fl-2019.
Sephora Francalanza
12:45 Din is-sena sar awditjar forensiku dettaljat minn avukati Ingliżi.
Sephora Francalanza
12:44 Gasan jgħid li hu wkoll kien imħasseb, bħala shareholder, fuq il-kwistjonijiet ta' tħassib li ħarġu mir-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Sephora Francalanza
12:43 Dr Comodini Cachia tistaqsih meta sar konxju li GEM riedet tħallas €2.5 miljun lil Yorgen Fenech bħala ħlas tas-servizzi li pprovda.

Jgħid li mhux ċert imma din ilha fis-seħħ mill-bidu nett. Jispjega li Fenech kellu jieħu ħsieb is-servizzi. Imbagħad kien hemm il-ħlasijiet ta' suċċess li Fenech kellu jieħu nofshom.
Sephora Francalanza
12:42 Gasan jgħid li kien involut fil-kunċett imma mhux fin-negozjati tal-ftehim.
Sephora Francalanza
12:42 "Hemm ir-reputazzjoni tiegħek fin-nofs," twieġbu l-Imħallef Lofaro.
Sephora Francalanza
12:41 Gasan hu mistoqsi fuq ir-rapport tal-NAO. Jgħid li hu qara biss sommarju tiegħu, ma qarax ir-rapport sħiħ.

"Sorprendenti kif la int ma qrajtu, lanqas Paul Apap Bologna," jikkummenta il-Prim Imħallef Emeritu.

Ix-xhud iwieġeb billi jgħid li hu qatt ma kien direttur tal-Electrogas.
Sephora Francalanza
12:41 "Ma nafux jekk kienx hemm involviment, imma jekk kien hemm, aħna ma rridux inkunu parti minnu. Qed infittxu li noħorġu mill-konsorzju u ilna naħdmu fuq hekk għal xi żmien. Mhux se japprofitaw minn dan l-att [mill-qtil]."
Sephora Francalanza
12:41 Jgħid li ma jemminx li Daphne nqatlet b'rabta mal-Electrogas. Meta qraw ir-rapport mill-qorti li l-Ispettur Kurt Zahra jemmen li għalhekk inqatlet, ma setgħux jemmnu.
Sephora Francalanza
12:38 Gasan jgħid li kien hemm ħafna nies li attakkawhom, mentri huma għamlu affarijiet tajbin, ilhom stabbiliti għal snin. Impjegaw ħafna nies u minħabba l-allegat involviment tagħhom fil-"qtil orribbli" ta' Daphne Caruana Galizia ntefa' dell ikrah fuq Gasan Group.
Sephora Francalanza
12:27 Gasan jispjega kif issolviet il-kwistjoni tal-kworum.
Sephora Francalanza
12:26 L-Ambaxxatur Irlandiż f'Malta għadu kemm daħal fl-awla.
Sephora Francalanza
12:26 Huma baqgħu jinsistu li għandu jagħmel stqarrija pubblika.
Sephora Francalanza
12:25 Meta wasal lura Malta minn Londra, waqaf jattendi l-board meetings u ma kienx disponibbli għal żmien twil.
Sephora Francalanza
12:25 Fenech kien ċaħad li hu sid 17 Black ma' Joe Gasan wiċċ imb wiċċ.
Sephora Francalanza
12:24 Meta ltaqgħu bħala GEM, Fenech baqa' jiċħad tant li mar l-Ingilterra ma' Ray Fenech biex ikellem lil ditta legali għolja ħafna biex jiftaħ libell.
Sephora Francalanza
12:24 Jispjega li ċċekkjaw l-Electrogas għal pagamenti. Yorgen Fenech kien ċaħad li 17 Black kienet tiegħu.

"Meta ħareġ li Yorgen Fenech sid 17 Black, Ray Fenech imdejjaq ħafna." Fenech kiteb email lid-diretturi kollha tal-Electrogas jiċħad li hu s-sid.
Sephora Francalanza
12:22 Dr Comodini Cachia tistaqsi meta beda jiddubita li Fenech negozjant tajjeb.

Gasan jgħid li meta bdew ħerġin l-affarijiet fuq 17 Black.
Sephora Francalanza
12:21 LIl Yorgen Fenech kien jafu bħala tifel li moħħu jilħaqlu, negozjant tajjeb. It-tfal li kienu skola miegħu kienu jgħidu li hu tajjeb għan-negozju.

B'hekk, ma kellu l-ebda raġuni għaliex jiddubita dan.
Sephora Francalanza
12:19 Ikompli jgħid li kienu xtraw biċċa art sostanzjali f'Marsaskala, u ma' George Fenech xtraw art ta' 10,000 metru kwadru qrib iċ-ċentru ta' Gasan.
Sephora Francalanza
12:18 Mistoqsi jekk Muscat kienx mistieden għat-tieġ ta' ibnu, Joe Gasan jgħid li jaħseb li Muscat kien attenda t-tieġ. Dan sar fl-2011.
Sephora Francalanza
12:17 Mistoqsi minn Dr Comodini Cachia jekk Mark Gasan hux ħbieb ma' Joseph Muscat, Joe Gasan jgħid li ma jaħsibx li Muscat u ibnu kienu ħbieb, jew li kienu jissoċjalizzaw flimkien.
Sephora Francalanza
12:15 Gasan jgħid li Keith Schembri attenda wħud mil-laqgħat li kellu hu mal-Prim Ministru.
Sephora Francalanza
12:14 Wara l-elezzjoni, George Fenech staqsieh kinux interessati, u l-familja Gasan iddiskutietha ma' bord biex jaqblu fil-prinċipju jekk l-investiment ikun ristrett għal €5 miljun u bil-patt li l-Gasan Group ma jkollux irwol eżekuttiv.
Sephora Francalanza
12:13 Mistoqsi kienx intalab jattendi laqgħa fuq il-proġett fi Frar tal-2013, Gasan jgħid li Fenech kien tkellem fuq il-proġett imma hu ma qalx iva jew le.
Sephora Francalanza
12:12 Joe Gasan jgħid li l-unika persuna li kien kellem fuq xi ħaġa simili għal Electrogas kienet Paul Apap Bologna.

Ikompli jgħid li l-familja Fenech u l-kumplament reġgħu qajmu l-proġett meta l-Partit Laburista għamilha ċara li hu parti mill-istrateġija tiegħu.
Sephora Francalanza
12:12 Imbagħad kellhom erba' xhur biex jaħdmu fuq id-dettalji tekniċi tal-proġett. "Ma involviex biss il-kostruzzjoni ta' powerstation imma anke l-konverżjoni ta' Delimara Phase 2 għal LNG."
Sephora Francalanza
12:10 Jirrakkonta kif kellhom sitt ġimgħat biex jipperswadu lil Siemens biex tidħol għall-espressjoni tal-interess, u l-kumpanija daħlet fil-proġett.
Sephora Francalanza
12:08 Gasan jikkumpara l-proġett tal-Electrogas mat-tender tat-televixin bil-cable, peress li t-tnejn proġetti kumplikati.
Sephora Francalanza
12:05 Hu mistoqsi fuq id-dati ta' kif seħħew l-affarijiet.

Jgħid li kien proġett kbir u ma kinux waħedhom. Kien hemm ħafna xogħol involut.
Sephora Francalanza
12:04 Gasan jgħid li saru ħafna laqgħat fuq il-proġett tal-MIDI, imma qatt ma ltaqgħu fuq l-Electrogas.
Sephora Francalanza
12:03 "2008?" tgħidlu l-avukata.

"Mhux diġà kien Prim Ministru?" jistaqsi x-xhud.

"2008?" terġa' tistaqsi Comodini Cachia.

"2018," jikkoreġi ruħu x-xhud.

"Qajjimt ftit dubju," tikkummenta l-avukata.
Sephora Francalanza
12:02 Joe Gasan jgħid li l-unika darba li ltaqa' ma' Joseph Muscat waħdu kien fl-2008 meta mar għad-90 anniversarju ta' meta missieru ħa n-negozju tal-Ford.

Kien stieden lil Joseph Muscat, u Muscat attenda.
Sephora Francalanza
12:01 Jgħid li bħala Prim Ministru, dejjem iltaqa' ma' Muscat fl-uffiċċju tiegħu (OPM).
Sephora Francalanza
12:00 Hu jiċħad li ltaqa' ma' Joseph Muscat u Karmenu Vella f'Portomaso.
Sephora Francalanza
12:00 Joe Gasan jgħid li dak iż-żmien ma kienx jafu lil Keith Schembri.
Sephora Francalanza
11:58 Iltaqa' miegħu darba fuq l-ajruplan għal Londra. Muscat kien għadu kemm sar Kap tal-Oppożizzjoni. Ma ddiskutewx politika jew negozju.
Sephora Francalanza
11:58 Mistoqsi qattx iltaqa' ma' Joseph Muscat, ix-xhud jgħid li iva.
Sephora Francalanza
11:57 Ix-xhud hu mistoqsi jekk il-proġett ġiex diskuss mal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni jew immedjatament wara.

Jgħid li assolutament le.
Sephora Francalanza
11:56 Kienu tkellmu ma' General Electric, li kienu interessati, imma dawn setgħu jaqduhom fi żmien ħames snin. Imbagħad, fl-aħħar minuta, daħlet il-kumpanija Siemens li qalet li tista' taqdihom.
Sephora Francalanza
11:55 Jgħid li l-ikbar problema dak iż-żmien kienet biex isibu l-kumpanija t-tajba biex tibni t-turbini u l-bojlers.
Sephora Francalanza
11:54 Gasan jgħid li għalih kien interessanti. Lil Yorgen Fenech kien jafu bħala raġel intelliġenti. Kienu se jkunu shareholders ta' minoranza fil-proġett. John Zarb mill-PwC kellu jieħu ħsieb jara kemm hu vijabbli, eċċ. Gasan jgħid li John Zarb kien involut ħafna fil-proġett.
Sephora Francalanza
11:54 Jissokta jgħid li meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni fl-2013, u ħareġ bl-idea tal-LNG, kienu qegħdin jiddiskutu l-proġett – hu, George Fenech, Paul Apap Bologna u Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:53 Jgħid li George qallu li l-Partit Laburista ħabbar powerstation ġdida li taħdem bil-gass bħala parti mill-manifest tiegħu. George Fenech sejħilha interessanti, u qallu li kien tkellem ma' Paul Apap Bologna.
Sephora Francalanza
11:52 Gasan ikompli jirrakkonta li fi Frar tal-2013, kien qed jiddiskuti proġett separat ma' ibnu Mark, ma' George Fenech minn Tumas Group, u possibbilment anke ma' Yorgen Fenech.
Sephora Francalanza
11:51 Paul Apap Bologna u Joe Gasan kienu marru għand l-Enemalta bħala parti minn delegazzjoni biex jippreżentaw il-proġett LNG. Imbagħad, dan il-proġett intesa.
Sephora Francalanza
11:51 Jgħid li fl-2008, Paul Apap Bologna, li miżżewweġ lin-neputija tiegħu, kien kellmu peress li Apap Bologna kien jaf li hu interessat f'dan il-qasam.
Sephora Francalanza
11:50 Joe Gasan hu mistoqsi fuq l-involviment tiegħu fl-Electrogas.

Jgħid li bħala grupp, sa mill-1968, dejjem kienu interessati f'tenders kbar, speċjalment f'powerstations.
Sephora Francalanza
11:45 Tintemm ix-xhieda ta' Mark Gasan. Imiss issa missieru, Joe Gasan.
Sephora Francalanza
11:44 L-avukata tkompli taqra minn email ieħor u tistaqsi x'toqba finanzjarja waqgħet fiha l-kumpanija. Tgħid li donnu kien hemm ħafna toqob.

Ix-xhud jaqbel.
Sephora Francalanza
11:44 Ix-xhud jgħid li ma jafx x'toqba qed tirreferi għaliha, u ma jiftakarx x'kienet il-kwistjoni.
Sephora Francalanza
11:42 Gasan iqalleb fil-karti u jitbissem.
Sephora Francalanza
11:42 "X'toqba kienet fiha l-kumpanija?" tistaqsih l-avukata.

Hu jintwera l-email.
Sephora Francalanza
11:40 Dr Comodini Cachia tistaqsi fuq email ieħor fuq iffinanzjar ta' emerġenza u ħtiġijiet kapitali.

L-email jgħid hekk:

I wasn't messing with the interest rate. I know it is low. But this is to take the company out of a hole not a normal investment.
Sephora Francalanza
11:40 Mark Gasan jintwera l-email.
Sephora Francalanza
11:38 L-avukata tgħid li qabel dan, hemm email ieħor mibgħut nofs siegħa qabel. Dan intbagħat minn Yorgen Fenech lil-lista ta' kuntatti tal-Electrogas.

L-email jgħid:

Dear Franz,
Please send the email to the following David Gatt, Frederick Azzopardi, Keith Schembri and others…

Imbagħad hemm l-email preċedenti kelma b'kelma.
Sephora Francalanza
11:38 Ix-xhud jgħid li din l-ewwel darba li qed jisma' bl-involviment ta' Keith Schembri fil-proġett.
Sephora Francalanza
11:37 Tistaqsi lil Mark Gasan jekk f'Ottubru tal-2017, kienx konxju li Yorgen Fench kien qed jiltaqa' ma' Keith Schembri biex jiddiskuti Electrogas.

Mark Gasan jgħid li ma kienx jaf.
Sephora Francalanza
11:35 Dr Therese Comodini Cachia tirreferi għal żewġ emails.

Wieħed huwa mit-28 t'Ottubru tal-2017, mibgħut fis-7.12pm. Huwa email ta' Frans Durfler, il-Kap Operattiv tal-Electrogas, indirizzat lil Frederick Azzopardi, Keith Schembri u xi ħadd minn Beat. Catherine Halpin hi kkupjata fl-email.

Dear all,

Following your meeting with one of our directors (Yorgen Fenech)… Our lenders have made it clear that our project is not bankable on a project finance basis.
Sephora Francalanza
11:31 Joe Gasan jintalab jinżel mill-pedana ħalli jerġa' jitla' jixhed it-tifel tiegħu.
Sephora Francalanza
11:29 Mark Gasan wasal lura u missieru Joe Gasan tela' fuq il-pedana tax-xhieda.
Sephora Francalanza
11:23 Mark Gasan jissejjaħ lura fl-awla.
Sephora Francalanza
11:22 Dr Jason Azzopardi jinforma lill-Bord li jridu jistaqsu mistoqsija oħra lil Mark Gasan fuq email ieħor.
Sephora Francalanza
11:21 Is-seduta tkompli.
Sephora Francalanza
11:16 Se nieħdu pawża ċkejkna.
Sephora Francalanza
11:14 Tintemm ix-xhieda ta' Mark Gasan u l-pedana tiġi sanitizzata.
Sephora Francalanza
11:11 L-avukata tistaqsi lix-xhud x'inhi r-rata ta' interess tal-Enemalta. Jgħid li 2%.

Tistaqsih GEM kemm qed iżżomm lil Electrogas. Jgħid li 6%.
Sephora Francalanza
11:10 L-Imħallef Lofaro tagħmel pressjoni fuq ix-xhud biex iwieġeb.

Jgħid li ma jiftakarx.

Tgħidlu li allura mhuwiex jeskludiha.
Sephora Francalanza
11:08 Dr Comodini Cachia tistaqsi lil Gasan jekk qabel l-2013, kienx iltaqa' ma' Yorgen Fenech, Karmenu Vella u Muscat għal ikla f'Portomaso.

Jgħid li din issemmiet fl-aħħar seduta. Hu ma jiftakarx ikla f'Portomaso, u ma jafx lil dan Costantino.
Sephora Francalanza
11:08 Tistaqsih jekk l-isem Christien Obermeyer hux familjari għalih.

Jgħid li mhuwiex.
Sephora Francalanza
11:08 Tistaqsi lix-xhud ikunx sorpriż jekk tgħidlu li Electrogas qasam is-CVs tal-applikanti ma' Konrad Mizzi u Ronald Mizzi.

Jgħid li iva.

Tistaqsih ikunx sorpriż li Electrogas għażel il-prodotti tiegħu bbażati fuq xi ntgħoġob mill-Gvern.

Jgħid li iva.
Sephora Francalanza
11:05 Comodini Cachia tgħid li trid tiffoka fuq il-fatt li l-Gvern, b'nies bħal Lindsey Gambin, Alexander Cutajar, Konrad Mizzi u Ronald Mizzi, kien qed jagħti struzzjonijiet lil Catherine Halpin fuq kif twieġeb il-mistoqsijiet tal-midja, liem intervisti taċċetta, eċċ.
Sephora Francalanza
11:03 Gasan jitlob li jara l-email.
Sephora Francalanza
11:02 Gasan jgħid li l-emails huma li huma.

L-Imħallef Lofaro tgħidlu li għadu żgħir, missu jiftakar.
Sephora Francalanza
11:01 Comodini Cachia tgħid li l-mistoqsija tagħha hija aktar fuq kemm indaħal il-Gvern fl-operat tal-Electrogas u kienx hemm kollużjoni bejn l-OPM u l-uffiċċju ta' Konrad Mizzi, li kien qed jagħtihom struzzjonijiet fuq kif għandhom jimxu mal-midja.
Sephora Francalanza
11:00 Lofaro tikkummenta, "B'dawk il-miljuni kollha involuti, ma kontx konxju?"
Sephora Francalanza
10:59 L-avukata tistaqsi lix-xhud kienx konxju li l-Gvern kien qed jagħti struzzjonijiet lil Electrogas kif twieġeb lill-ġurnalisti.

Ix-xhud jgħid li ma kienx inkluż fl-email u ma kienx konxju.
Sephora Francalanza
10:58 Email: I am abroad trying to work on it with the ministry.

Tweġiba: Ronald thinks we should speak with Enemalta.

Tweġiba oħra: Frederick is not willing to give us his signature.

Tweġiba: Frederick has to be instructed by Konrad Mizzi first
Sephora Francalanza
10:58 Dr Comodini Cachia taqra siltiet minn emails mit-12 ta' Lulju tal-2017 bis-suġġett "LNG Financing."

Gasan mhux inkluż fl-emails.
Sephora Francalanza
10:56 L-Imħallef Emeritu jirrimarka li mhux talli kien konxju, imma kien jaf li seta' jmur direttament għand il-Ministru biex isolvi xi kwistjoni.
Sephora Francalanza
10:55 Gasan jgħid li kien konxju li Konrad Mizzi kien involut f'xi kwistjonijiet.
Sephora Francalanza
10:55 Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino jagħmilha ċara li l-Bord tal-Inkjesta mhux jinvestiga lil Electrogas.
Sephora Francalanza
10:54 Gasan jgħid li kien konxju li kien hemm dal-kwistjonijiet. Hu ssuġġerixxa mod kif jissolvew.
Sephora Francalanza
10:54 Silta oħra mill-email:

"I suggest this should be the first topic on Monday."
Sephora Francalanza
10:54 Gasan jipprova jwaqqafha milli taqra, hi tgħidlu li mhix se tidher aħjar il-biċċa jekk tkompli taqra.
Sephora Francalanza
10:54 Hija taqra minn email li jgħid:

"Tactically we need to be aware of all the issues and devise a plan how to handle all and not handle each one as they come.
Do we skip Enemalta and go straight to the Minister?"
Sephora Francalanza
10:52 Comodini Cachia tistaqsih kienx konxju li kienu qed jistrieħu fuq Konrad Mizzi, dak iż-żmien Ministru.
Sephora Francalanza
10:50 Jissokta jgħid li hu involva ruħu iktar fl-2018 u fl-2019, u fl-2017 permezz ta' Electrogas.
Sephora Francalanza
10:50 Comodini Cachia tistaqsih jekk il-proġett kienx qed jistrieħ fuq is-sapport ta' Konrad Mizzi billi kien wieħed kumpless.

Gasan jgħid li hu ma kienx involut fin-negozjati.
Sephora Francalanza
10:49 Gasan jgħid li l-ewwel darba li ltaqa' ma' Konrad Mizzi kien fl-inawgurazzjoni.
Sephora Francalanza
10:49 Jinsisti li hu ma kienx konxju tal-kwistjoni.

L-Imħallef Lofaro ma tidhirx konvinta, u tgħid lil Comodini Cachia li x-xhud ma wiġibhiex.
Sephora Francalanza
10:48 Jgħid li bbaża l-email tiegħu fuq dak li qallu l-Kap Finanzjarju, li l-pożizzjoni tal-Electrogas kienet li l-Enemalta kellha tieħu ħsieb dawn l-ispejjeż.
Sephora Francalanza
10:45 L-avukata tistaqsih hux konxju li għall-ewwel ingħata l-parir li l-mudell finanzjarju kif tawh lill-Gvern inkluda l-ħlas tat-taxxa tas-sisa minnhom u mhux mill-Gvern.

Gasan jgħid li l-Kap Finanzjarju qallu li mhux pagabbli minn Electrogas.
Sephora Francalanza
10:42 Dr Comodini Cachia tgħidlu li l-mistoqsija tagħha kienet jekk it-taxxa tas-sisa kinitx se tagħmel differenza.
Sephora Francalanza
10:38 Dr Comodini Cachia issa tistaqsi fuq it-taxxa tas-sisa.

Gasan iwieġeb li bbaża l-email tiegħu fuq li qallu l-Kap tal-Finanzi tal-Electrogas, li l-Enemalta għandha tħallas it-taxxa tas-sisa. Jgħid li kulma kien qed ifisser hu kien li jeħtieġ li l-kwistjoni tiġi solvuta.
Sephora Francalanza
10:36 Gasan jispjega li x-shareholders kollha offrew l-interessi tagħhom – €100 miljun – u l-bqija ġie pprovdut minn min sellifhom il-flus.
Sephora Francalanza
10:34 L-avukata tgħidlu jekk huwiex ifisser, allura, li aċċettaw li ma jiħdux il-ħlasijiet ta' żvilupp li kienu jmissu lilhom bħala parti minn eżerċizzju tal-accounting.

Jikkonferma.
Sephora Francalanza
10:33 Tistaqsih jekk hemmx self għax-shareholders provdut minn GEM għall-Electrogas. Iwieġeb li iva.

Tistaqsih issa hemmx self mingħajr interessi. Jgħid li le, imma -interessi għadhom ma tħallsux.
Sephora Francalanza
10:32 Gasan jgħid li l-abbozz tal-ftehim tal-2014 sar mid-ditta legali GZVH.
Sephora Francalanza
10:31 L-avukata tgħid li GEM ħallset spejjeż li kellha tħallas Electrogas. Gasan jikkonferma.

Tistaqsih hemmx ftehim fuq kif se tingħata l-flus lura GEM. Hu jgħid li le, għax titqies spiża.
Sephora Francalanza
10:28 Jgħid li mhux konxju li l-kwistjoni ta' ħlasijiet ta' żvilupp (development fees) ma ġietx spjegata lil Oxera jew lill-Gvern.
Sephora Francalanza
10:27 Iwieġeb li llum, il-kwistjoni tal-kumpens żejjed tan-nies li għandhom sehem fil-proġett m'għadhiex hemm.
Sephora Francalanza
10:26 Dr Therese Comodini Cachia tistaqsi lil Mark Gasan kienx konxju li dan l-iżvilupp seta' jikser il-ftehim tal-għajnuna mill-Istat.
Sephora Francalanza
10:25 Jinqara email tat-12 t'April, 2016, minn uffiċjal tas-Siemens.

L-email jgħid:

I'm planning to send out this email to Oxera and Government… Pre-construction / development cost €20.20M… In €20.20M we have €16.0M fee for the sponsors. What should we say about this to Oxera as this might be "overcompensation"?
Sephora Francalanza
10:25 Huwa mistoqsi fuq l-involviment tiegħu meta ġew involuti l-konsulenti ta' eCubed.
Sephora Francalanza
10:25 Jgħid li beda jkun inkluż fl-emails meta beda jinvolvi ruħu aktar.
Sephora Francalanza
10:24 Comodini Cachia tistaqsi jekk fl-2016, meta kien jintbagħat email lill-Bord ta' Electrogas, Mark Gasan kienx ikun inkluż fih. Dan billi hu qal li dak iż-żmien kien "shadowing" fil-proġett.
Sephora Francalanza
10:20 Dr Comodini Cachia titolbu jikkonferma li l-awditjar forensiku wera li GEM ħallset €1 miljun u Gasol ħallset €1.5 miljun lil New Energy Supply.

Hu jikkonferma.
Sephora Francalanza
10:20 Gasan jgħid li riċentament ġie infurmat li saret analiżi minn konsulent estern, u li kellhom preżentazzjoni ta' livell għoli għall-ishma. Taw il-parir li fl-opinjoni tagħhom €1.5 miljun tħallsu direttament lil New Energy Supply.
Sephora Francalanza
10:18 L-avukata tistaqsih jekk jafx jekk New Energy Supply żammitx il-flus lil Gasol separatament.
Sephora Francalanza
10:16 L-avukata tistaqsi jekk il-€1.5 miljun li Gasol kellha tħallas lil GEM kinux parti mill-ammont ta' ħlas ta' żvilupp.

Ix-xhud jispjega li Gasol kellha tirċievi €2 miljun mingħand Electrogas, li minnhom kienet se tħallas €1.5 miljun lil GEM.
Sephora Francalanza
10:16 Hi tistaqsi għaliex GEM ma tħallsitx il-€1.5 miljun minn Gasol, u hu jgħid li jaħseb li għax kellha xi diffikultajiet finanzjarji.
Sephora Francalanza
10:15 L-avukata tikkummenta li f'dan il-ftehim Gasan qed jaqbel li jħallas €2.5 miljun lil Yorgen Fenech.

Iwieġeb li dan minn €3.5 miljun, madankollu GEM ħadet biss €2 miljun minn Electrogas.
Sephora Francalanza
10:14 Comodini Cachia tgħid li GEM kellha twettaq xi servizzi għal Electrogas, tekniċi, finanzjarji u legali, imma GEM qablet li tħallas lil New Energy Supply biex twettaq dawn ix-xogħlijiet.

Gasan jgħid li New Energy Supply kellha tieħu ħsieb dan kollu.
Sephora Francalanza
10:12 L-avukata tistaqsi jekk Gasol kinitx taf li Yorgen Fenech kien se jwettaq din il-biċċa xogħol. Gasan jgħid li kien Fenech li ħa ħsieb il-ftehim.
Sephora Francalanza
10:11 Comodini Cachia tistaqsi jekk f'Ġunju tal-2014 GEM kellhiex titħallas minn Gasol u minn Electrogas.

Gasan jgħid li Gasol kellha tħallas €1.5 miljun u Electrogas €2 miljun.
Sephora Francalanza
10:10 Lofaro tinsisti li trid tweġiba – "Inkun qed ngħid sew jekk ngħid li l-Gvern u l-Kummissjoni ma kinux jafu li dawk li kellhom sehem fil-proġett kienu qed jitħallsu ħlasijiet ta' suċċess?"
Sephora Francalanza
10:09 L-Imħallef Lofaro tistaqsi jekk Oxera u l-Kummissjoni kinux jafu.

Gasan iwieġeb li l-ħlasijiet ta' suċċess tniżżlu bħala spejjeż.
Sephora Francalanza
10:07 L-Imħallef Mallia jistaqsi lix-xhud jekk il-Gvern kienx konxju li huma kienu qed jieħdu dawk il-ħlasijiet ta' suċċess.

Gasan iwieġeb li fuq l-interim bridge loan kien jaf.

L-Imħallef jgħidlu li mhux hekk staqsieh u jerġa' jistaqsi l-mistoqsija.

Gasan jgħid li l-Gvern ma kienx konxju tal-ħlasijiet ta' suċċess (success fees).
Sephora Francalanza
10:06 Iżid li meta ħadu l-interim bridge loan, kull kumpanija li kellha sehem fil-proġett kellha tħallas €3.6 miljun u l-ispejjeż tal-bank.

Il-Gvern tħallas €11-il miljun għall-garanzija tiegħu.
Sephora Francalanza
10:05 Gasan jgħid li min kien se jsellef il-flus ma kienx se jsellifhom sakemm tissolva l-kwistjoni tal-għajnuna tal-Istat.

Jispjega li t-€12-il miljun kienu biex ikopru l-garanzija tal-Gvern u l-ispejjeż bankarji.
Sephora Francalanza
10:05 L-Imħallef jistaqsi jekk Oxera kinitx konxja li huma kienu qegħdin jieħdu l-ħlasijiet ta' suċċess (success fees).

Gasan jgħid li €6.5 miljun reġgħu ġew investiti. Sena wara dawn telgħu għal €12-il miljun.
Sephora Francalanza
10:04 L-Imħallef jistaqsi min prepara abbozz tal-applikazzjoni.

Gasan jgħid li għandu jifhem li l-Gvern apponta lil Oxera.
Sephora Francalanza
10:01 Ix-xhud jgħid li f'dak l-istadju l-kwistjoni tal-garanzija tal-Gvern ma kinitx diskussa.

Li ġara kien li wara li ntgħażlet l-offerta tal-Electrogas, qamet il-kwistjoni tal-għajnuna tal-Istat. Għall-ewwel il-Gvern ma ħasibx li kien hemm il-ħtieġa għal applikazzjoni, u ħaseb li seta' jikseb awtorizzazzjoni faċilment.
Sephora Francalanza
10:01 L-Imħallef Mallia jistaqsi lil Gasan għal liem banek qed jirreferi meta jgħid li l-banek kienu konxji.
Sephora Francalanza
10:00 L-Imħallef Emeritu Mallia jistaqsi min ħadem is-somma, u Gasan iwieġeb li kien ċertu John Zarb mill-PwC.
Sephora Francalanza
09:59 Gasan jgħid li dan ma sarrafx xi flus għall-ishma tal-proġett.
Jinsisti li l-ħlasijiet ta' suċċess kienu għan-nies li kellhom sehem fil-proġett.
Sephora Francalanza
09:58 Jispjega li dawn iż-żewġ ftehimiet kienu wkoll parti mill-pakkett finanzjarju li ntlaħaq qbil dwaru. Jgħid li tlesta dak li kellu jsir sal-interim bridge loan.
Sephora Francalanza
09:57 Mistoqsi x'kienu dawn l-affarijiet li kellhom isiru, Gasan, għal darba war'oħra, jirreferi għall-ftehim u jgħid li kien hemm wisq xi jsir.
Sephora Francalanza
09:57 L-Imħallef Abigail Lofaro tinnota li dan hu differenti ħafna minn dak li sema' qabel il-Bord.
Sephora Francalanza
09:55 Iżid jgħid li hemm 2 ftehimiet differenti:

– Wieħed kien ftehim ta' suċċess pagabbli għall-ishma kollha meta l-proġett jitlesta b'suċċess, ta' €6,5 miljun.

– Ieħor kien ta' €4 miljun għal spejjeż ta' żvilupp, għal lista sħiħa ta' affarijiet li kellhom isiru.
Sephora Francalanza
09:54 Comodini Cachia tistaqsi kemm u ta' xiex kienet qed tħallas Gasol lil GEM.

Gasan jgħid li kienet qed tħallasha €2.5 miljun, u li l-ftehim kellu lista twila ta' affarijiet – GEM kienet se tieħu ħsieb dawn l-affarijiet li kellhom isiru.
Sephora Francalanza
09:53 Gasan jgħid li kien parti min-negozjati bejn GEM u Gasol.
Sephora Francalanza
09:52 L-avukata issa tistaqsi fuq l-ispejjeż ta' żvilupp fil-ftehim tal-2014.

Jispjega li kellhom jidħlu €2 miljun mill-Electrogas, imbagħad kien hemm qbil li Gasol tħallas lil GEM €1.5 miljun, iżda dawn il-flus qatt ma rċiviethom GEM.
Sephora Francalanza
09:51 Dr Comodini Cachia tgħid li l-klawsola tal-ħlas fil-ftehim ma tirreferix għal li qed jgħid hu.

Hu jgħid li iva u jsib il-klawsola.
Sephora Francalanza
09:51 Gasan kien firmatarju fil-qbil tal-2014.
Sephora Francalanza
09:51 Dr Comodini Cachia tgħid li meta staqsiet kemm kienet qed tistenna li tagħmel flus GEM mill-Electrogas, hu qal lill-Qorti €2 miljun. Tistaqsi, allura, għaliex GEM qablet li tħallas €2.5 miljun lil New Energy Supply.
Sephora Francalanza
09:49 Ix-xhud jikkoreġiha u jgħid li l-ftehim jgħid li GEM tħallas €2.5 miljun għall-fondi li GEM tieħu mill-Electrogas.
Sephora Francalanza
09:49 Comodini Cachia issa tgħid li l-ftehim jindika li GEM kellha tħallas €2.5 miljun lil New Energy Supply.
Sephora Francalanza
09:48 Jgħid li sa mill-ewwel jum qablu li Fenech u New Energy Supply se jieħdu ħsieb dawn l-affarijiet. Jispjega li kien hemm qbil li Fenech se jitħallas ta' dan.
Sephora Francalanza
09:46 Mark Gasan jgħid li l-ftehim ġie ffirmat qabel ma ġiet sottomessa l-offerta, u li kien hemm lista ta' affarijiet li kellhom isiru b'rabta ma' aspetti finanzjarji, legali u tekniċi tal-proġett li Gasan u GEM kellhom jagħmlu f'isem il-konsorzju.
Sephora Francalanza
09:45 Dr Comodini Cachia tistaqsi fuq ftehim li ġie ffirmat fil-21 ta' Ġunju tal-2014, ma' New Supply Energy (Yorgen Fenech) li għalih qablu li jħallsu somma.
Sephora Francalanza
09:42 Dr Comodini Cachia tibda billi tistaqsi dwar meta Mark Gasan kien qal li Yorgen Fenech ma kienx partikolarment preżenti fl-Electrogas. Tistaqsi meta kien dan.

Iwieġeb li mill-2017, mill-2018 sal-2019.
Sephora Francalanza
09:39 Mark Gasan, iben Joe Gasan, se jixhed l-ewwel.
Sephora Francalanza
09:34 Bħalissa fl-awla hawn l-avukati parte civile Dr Jason Azzopardi u Dr Therese Comodini Cachia.
Sephora Francalanza
09:33 L-għodwa t-tajba! Nilqgħukom għal dan il-blogg live mill-qorti.
Sephora Francalanza

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Ma nemminx li l-qtil ta’ Daphne kellu x’jaqsam mal-Electrogas – Apap Bologna
  • “L-affarijiet dejjem setgħu saru aħjar” – Apap Bologna dwar l-Electrogas
  • “Ovvjament ħassejt li jiena stajt nikkontribwixxi xi ħaġa,” wieġeb Apap Bologna meta mistoqsi għaliex Michael Farrugia kien poġġieh bħala membru tal-bord tal-MEPA
  • Apap Bologna kkonferma li ma kienx jaf bis-sapport ta’ Mizzi għall-proġett
  • “Yorgen Fenech ma kienx jaf dwar il-proġett sa Jannar tal-2013,” qal lill-bord

Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.