Joe Jonas u Sophie Turner jiżżewġu spontanjament

Il-kantant Joe Jonas u l-attriċi Sophie Turner iżżewġu f’ċerimonja sigrieta f’Las Vegas sagħtejn wara li l-Jonas Brothers daqqew fil-Billboard Music Awards.

Jonas u Turner issorprendew lill-ammiraturi tagħhom, peress li huma kienu qalu fil-midja li kienu se jiżżewġu f’Ġunju. Huma nfushom ma żvelaw xejn dwar iċ-ċerimonja, imma d-DJ Diplo żamm lill-fans aġġornati billi tella’ ritratti u filmati fuq Instagram. Fil-filmat, tidher Turner dieħla għaċ-ċerimonja li saret minn raġel liebes ta’ Elvis Presley. Ħdejn Joe Jonas, jidhru ħutu Kevin u Nick Jonas.

Il-grupp Jonas Brothers reġgħu ngħaqdu din is-sena wara xi snin mifrudin, u s’issa ħarġu l-kanzunetti Sucker u Cool. Huma ħabbru l-album ġdid Happiness Begins li għandu joħroġ fis-7 ta’ Ġunju. Ilbieraħ ħabbru wkoll id-dati tat-tour tagħhom madwar l-Amerka, li se jibda f’Awwissu. Sophie Turner hija magħrufa għall-irwol tagħha fis-serje televiżiva Game of Thrones.

Jonas Brothers jerġgħu jingħaqdu

Ħafna qegħdin jispekulaw li huma se jkunu wieħed mill-gruppi li jieħdu sehem fl-Isle of MTV fid-9 ta’ Lulju, peress li Bebe Rexha, li hi artista kkonfermata għall-kunċert, se tingħaqad magħhom fit-tour f’Awwissu. Barra minn hekk, il-profil ta’ Isle of MTV fuq Twitter għamel retweet tal-post tal-Jonas Brothers dwar l-album il-ġdid.

Il-koppja ilhom flimkien mill-2016 u tgħarrsu f’Ottubru tal-2017. F’Ottubru li għadda, iżżewweġ ukoll ħu Joe, Nick Jonas, lill-attriċi Indjana Priyanka Chopra.