Joe Ellul Vincenti flok Mangion fl-Enemalta

Charles Mangion irriżenja minn Ċermen tal-Korporazzjoni Enemalta wara li reġa’ ġie elett fil-Parlament. L-Aġent Ċermen bħalissa huwa Joe Ellul Vincenti.
Dan tħabbar waqt żjara li dalgħodu għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-uffiċini tal-Enemalta fil-Marsa.
Il-Prim Ministru qal li minn mażra mal-għonq tal-ekonomija, l-Enemalta qed issir mutur tal-ekonomija. Semma “l-ikbar investiment singolu li rat Malta bil-ftehim li ghamlet max-Shangai Electric.”  Bejn issa u Settembru se jkunu qed isiru l-bidliet meħtieġa biex tibda l-implimentazzjoni. Qal li l-Enemalta diġà tat lill-poplu Malti tfaddil ta €30 miljun.
Sostna li l-ħsieb tal-Gvern hu li jsir investiment ta’ biljun ewro fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Spjega kif hemm makkinarju li ilu hemm mill-ħamsinijiet u li hemm bżonn jinbidel.
Madanakollu saħaq li l-Gvern irid iħares ukoll lejn is-settur tad-distribuzzjoni. Qal li fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkun qed iħabbar numru ta’ inizjattivi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi qal li l-Enemalta tinsab f’pożizzjoni stabbli u qed tħares ‘il bogħod minn xtutna. Saħaq li l-impjiegi tal-ħaddiema huma assigurati. Żied jgħid li l-kundizzjonijiet u l-pagi tagħhom se jiġu osservati kollha. Spjega li ħadd minnhom mhu se jkun obbligat li jaħdem barra minn Malta. Madanakollu qal li l-ħaddiema tal-Marsa se jkollhom opportunità bħal ħaddieħor li jaħdmu fuq l-impjant tal-gass f’Delimara.
Irrefera wkoll għall-aġenziji internazzjonali tal-credit rating li qed jirrikonoxxu l-qabża pożittiva li għamlet il-korporazzjoni.