Aġġornata: Joe Debono Grech għall-Qorti?

Rapporti qed jgħidu li l-eksdeputat Laburista Joe Debono Grech mistenni jitressaq il-Qorti ta’ Għawdex wara li kien involut f’argument li seħħ is-sajf li għadda.
Newsbook.com.mt hu infurmat li Joe Debono Grech kellu xi jgħid ma’ uffiċjali tal-Pulizija dwar vetturi li kienu qed jimblukkaw ir-rampa tal-vapur ta’ Għawdex.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li Debono Grech kien mar fl-Għassa tal-Pulizija li tinsab viċin ix-xatt u beda jgħajjat mal-Pulizija għax għalih ma kinux qed jieħdu azzjoni.
Jidher li għall-karozza li kienet qed timblokka r-rampa kien hemm spjegazzjoni, iżda Debono Grech ma riedx jaf u beda jhedded lill-Pulizija li se jirrappurtahom lill-Prim Ministru.
Joe Debono Grech kien wieħed mill-persuni li x-xahar li għadda  ngħata Ġieħ ir-Repubblika.
Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-kumpanija Gozo Channel iżda r-rappreżentant ma setax jikkonferma dan il-każ.
"Tnawwir fl-istituzzjonijiet" – SHPN
Fi stqarrija, Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista qal li dan il-każ juri "f'liema livell waqa' dan il-Gvern". 
Saħaq li aġir bħal dan jikkonferma t-tnawwir fl-istituzzjonijiet tal-ordni kif ukoll ta' kultura fejn min iħossu potenti jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu għax jaf li għandu l-protezzjoni. 
"Il-fatt li l-ħaddiema ma jistgħux iwettqu dmirijiethom fil-konfront ta’ mingħandu l-poter hija korruzzjoni fiha nnifisha", kompla jgħid.