Joe Cordina jgħid li rriżenja minn jeddu u m’għamel xejn ħażin

F’intervista ma’ gazzetta lokali, l-eks amministratur finanzjarju tal-Partit Laburista Joe Cordina stqarr li hu kien wieħed mit-tlett diretturi tal-kumpanija Intershore Ltd, iżda dan ma jfissrix li qatt għamel xi ħaġa ħażina.

Intershore kienet tipprovdi servizzi fiduċjarji lill-kumpanija Aikon Ltd ta’ George Farrugia, in-negozjant li ngħata l-maħfra Presidenzjali.

Cordina insista li hu, Dr Martin Fenech u Dr Charles Scerri kienu jafdaw lil xulxin bħala diretturi. Xogħolu kien iwettqu l-iktar minn Għawdex, lill-klijenti Għawdxin.

Spjega li uffiċjalment Intershore ma tħaddimx nies. Kull direttur kien jilqa’ klijenti fl-uffiċju personali tiegħu, u ma kienx hemm ħlasijiet kbar għas-servizzi fiduċjarji. Kont normali, qal Joe Cordina, kien bejn is-€700 u l-€1,000. Kompla li din is-sistema ħadmet b’mod tajjeb għal 10 snin.

Cordina qal li meta ra l-imejl ta’ Dr Manuel Mallia, li talbu jirregola l-pożizzjoni tiegħu fil-konfront ta’ Dr Farrugia, ikkonsulta ma’ Dr Charles Scerri, li qallu li ma kellu għalxiex jinkwieta.

Meta ra r-rapport dwar l-iskandlu tax-xiri taż-żejt, Cordina jgħid li kien mistgħaġeb.

Minkejja li kien l-amministratur finanzjarju tal-Partit Laburista, kien biss nhar il-Ġimgħa li Joe Cordina tkellem ma’ Dr Joseph Muscat dwar il-każ. Insista li r-riżenja kienet deċiżjoni li għamel fil-libertà.

Qal li Aikon Ltd kienet toħroġ irċevuti leġittimi lill-klijenti u tgħaddihom mill-Bank of Valletta, bil-kunsens tal-awditur tal-kumpanija. Ħareġ umbad li George Farrugia fetaħ kont bankarju fi New York bil-moħbi. Cordina sostna li Intershore Ltd ma kelliex idea x’kien qed jagħmel Farrugia.