Joe Biden konfermat bħala President Amerikan

Joe Biden
Credit - Michael Stokes

Il-President elett Joe Biden kien konfermat bħala r-rebbieħ tal-elezzjonijiet Amerikani wara li rebaħ il-vot tal-istati tal-Kulleġġi Elettorali. 

F’reazzjoni għar-riżultat, Joe Biden ċanfar lill-President Donald Trump u l-attakki tiegħu fuq il-leġittimità tar-riżultat. 

“F’din il-battalja għar-ruħ tal-Amerika, id-demokrazija rebħet” qal Biden f’diskors minn Delaware. Huwa saħaq li issa wasal iż-żmien li ndawru l-paġna, kif għamilna matul l-istorja tagħna – biex ningħaqdu, biex infiequ.

Il-vot tat-Tnejn, tipikament formalità, ħa importanza kbira fid-dawl tal-isforz straordinarju ta’ Trump biex iwaqqa’ l-proċess minħabba dak li allega b’mod falz bħala frodi mifruxa tal-votanti fl-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru.

Il-voti ta’ Kalifornja, l-istat li għandu popolazzjoni kbira, ta’ lil Biden il-55 vot li permezz tagħhom kiseb il-270 vot meħtieġa biex tirbaħ il-Kulleġġ Elettorali.  

Il-ġurament tal-ħatra ser jittieħed fl-20 ta’ Jannar.