“Ejja nagħtu ċans lil xulxin” – Joe Biden

Aġġornat 04:33 PM
REUTERS/Kevin Lamarque/File Photo

Fl-ewwel diskors tiegħu bħala l-President Amerikan elett, Joe Biden insista li kien wasal il-ħin li l-Istati Uniti tibda l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni, u ħalef li se jgħaqqad u mhux jifred il-pajjiż.

“Ejja nagħtu ċans lil xulxin,” appella Biden lil dawk li ma vvutawlux fl-ewwel indirizz tiegħu f’Delaware. Trump għadu jrid jammetti li tilef u ħabbar li mhux se jitkellem għalissa, waqt li kien qed jilgħab il-golf.

Ilbieraħ Biden ġie kkonfermat bħala president elett hekk kif sar magħruf li rebaħ l-elezzjoni għall-presidenza Amerikana kontra l-President kurrenti Donald Trump.

Huwa rebaħ billi akkwista l-istat ta’ Pennsylvania, li permezz tiegħu laħaq 284 voti elettorali, jiġifieri qabeż il-kwota ta’ 270.

B’din it-telfa għal Trump, Biden se jsir is-46 president tal-Istati Uniti f’Jannar li ġej.

Il-Viċi President li se taħdem id f’id ma’ Biden se tkun Kamala Harris, l-ewwel mara u l-ewwel mara ta’ karnaġġjon skur li se tilħaq Viċi President tal-Istati Uniti.

Madwar siegħa ilu, Trump kiteb tweet li fiha qal li rebaħ l-elezzjoni b’distakk kbir. Diversi kmamar tal-aħbarijiet barranin ma bdewx ixerrdu dak li beda jgħid Trump peress li beda jagħti informazzjoni żbaljata.