Joe Biden iwiegħed l-għaqda fid-diskors tar-rebħa

Democratic Presidential Nominee Joe Biden Addresses The Nation As Election Count Continues In Few Key States

Fl-ewwel diskors tiegħu minn meta l-indikazzjonijiet bdew juru li Joe Biden ser ikun il-President tal-Istati Uniti, Biden wiegħed li jgħaqqad lill-Amerikani u talab lis-segwaċi ta’ Trump biex jagħtuh ċans.

F’attivita f’Delaware huwa appella biex nagħtu ċans lil xulxin hekk kif indirizza wkoll lil dawk li ma vvutawx għalih.Hu wiegħed li jaħdem biex jirbaħ l-approvazzjoni tal-poplu kollu. Biden kompla jgħid li jifhem li dawk li vvutaw lil Trump jinsabu imweġġgħa, però aċċertahom li lest jaħdem magħhom. Biden saħaq li rridu nieqfu nħarsu lejn l-avversarji politiċi bhala għedewwa. Hu qal li mhux ħa jkun president li jara stati ħomor u blue iżda lejn l-interess tal-Istati Uniti biss. Biden għamel dan id-diskors fir-raħal tiegħu f’ Wilmington, Delaware.

Kamala Harris, il-Viċi President eletta, irringrazzjat lill-Amerikani kollha li marru jivvutaw meta d-demokrazija tagħhom kienet il-karta tal-vot. Harris irrikonoxxiet l-irwol storiku tagħha bħala l-ewwel mara fis-siġġu ta’ Viċi President. Harris qalet li filwaqt li hi l-ewwel mara f’dan l-uffiċċju, mhux se tkun l-aħħar waħda għax kull tifla żgħira li qed tara lilha qed tinnota li dan huwa pajjiż ta’ kull possibbilità.

Fl-aħħar ġranet, Donald Trump qal li l-voti bil-posta kienu illegali u kien minħabba dawn l-illegalitajiet li l-elezzjoni marret favur Biden. Hu qal li din l-elezzjoni kienet frodi u fuq Twitter qal li hu rebaħ l-elezzjoni. Fi tweet hu qal “71,000,000 Legal Votes. The most EVER for a sitting President!”

B’dan ir-riżultat, Trump sar l-ewwel President Amerikan mis-snin disgħin li kellu terminu wieħed.

Trump saħaq li din is-stwazzjoni se tmur fil-qrati fejn qiegħed jistenna li hemmhekk toħroġ id-deċiżjoni finali ta’ min ser ikun fil-Whitehouse għall-erba’ snin li ġejjin.