Il-VCA jniedi l-programm kulturali

Valletta Cultural Agency
Ritratt: Pierre Sammut / DOI

Read in English.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) kompliet tibni fuq ix-xogħol li tellgħet matul l-aħħar sena u nofs biex tipprovdi programm ieħor komprensiv li jkopri t-tliet xhur li ġejjin, li jagħti valur akbar lill-kultura Maltija u jkompli jtejjeb il-benesseri tas-soċjetà.

Matul l-2020, li kienet sena ta’ sfida għal kulħadd, l-VCA tellgħet diversi proġetti li inkludew diskussjonijiet u masterclasses ma’ professuri u persuni fil-qasam kulturali internazzjonali; wirjiet ta’ arti viżiva, films, mużika fil-miftuħ u attivitajiet għall-familja kollha fosthom il-Valletta Green Festival. Filwaqt li kkollaboraw ma’ numru ta’ entitajiet fosthom l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u ŻfinMalta, t-Teatru Manoel, Ċinerabilja, Muża, is-Suq tal-Belt, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Festivals Malta u numru ta’ organizzazzjonijiet artistiċi u individwi, fost l-oħrajn, sabiex jittellaw diversi attivitajiet.

Il-Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal, “Il-Gvern jemmen li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta hija intrinsika għax-xogħol tal-artisti u l-irwol tagħha issa hija importanti aktar minn qatt qabel. F’rispett sħiħ lejn il-miżuri kollha mid-Dipertiment tas-Saħħa Pubblika, il-VCA qed tkompli bil-Programm Kulturali tagħha b’enfasi biex tkompli titwitta t-triq għall-futur. Id-dinja tagħna teħtieġ il-poter li għandha l-arti biex issib is-serħan u t-tama. L-arti tista’ tkun katalista f’din il-battalja importanti.”

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Jason Micallef tenna, “L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tibqa’ tisħaq li l-kultura mhix lussu, imma neċessità. Dan il-programm ambizzjuż u eċċitanti huwa xhieda tal-impenn tagħna lejn l-arti u l-kultura. B’ottimiżmu kbir, ninsabu ħerqana għal din is-sena li għadna kif bdejna”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Catherine Tabone saħqet, “Matul is-sena li għaddiet, ir-relevanza tal-arti saret tinħass ħafna aktar. Għall-2021, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed issaħħaħ ix-xogħol tagħha mal-artisti u mal-komunità biex tippreżenta programm b’saħħtu bis-sehem ta’ artisti Maltin u internazzjonali li jaħdmu flimkien f’xelta wiegħsa ta’ produzzjonijiet li joffru doża bżonnjuża ta’ kreattività f’dawn iż-żminijiet diffiċli”.

Il-kollaborazzjonijiet ma jiqfux u fil-ġimgħat li ġejjin ser nesperjenzaw uħud minnhom, fosthom: kunċert ta’ Tatiana Lisnic, u prestazzjoni oħra ta’ Brian Schembri bħala parti mis-serje Beethoven at Home. Ikompli wkoll il-proġett ta’ fotografija TNAX filwaqt li ser joħorġu numru ta’ sejħiet biex artisti minn ġeneri varji jerġgħu jkunu parti mill-Programm tal-VCA.

Fi Frar, l-VCA qed terġa tniedi s-sejħa bħala parti mill-Programm tal-artisti f’residenza. F’Marzu, Written on Skin, xogħol tal-kompożitur Ingliż George Benjamin li rebaħ unuri kbar, ser jiġi eżegwit mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta flimkien ma’ ħames solisti internazzjonali, taħt id-direzzjoni ta’ Lawrence Renes.

Il-proġetti ta’ Strada Stretta Concept, li d-Direttur Artistiku tagħha huwa l-Profs. Giuseppe Schembri Bonaci, ikomplu u fost l-oħrajn għandna nistennew lejla ta’ mużika jazz mill-Kwartett ta’ Sammy Murgo, u rappreżentazzjoni ta’ Le Pauvre Matelot mill-grupp teatrali Franċiż, Arcal Lyrique. Lejn l-aħħar ta’ Marzu u l-bidu ta’ April ser jittellà d-dramm Vari bbażat fuq in-novella ta’ Trevor Zahra.

Valletta Cultural Agency

Dan it-tagħrif twassal mill-Ministeru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern Lokali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn