Imut is-Senatur Amerikan John McCain

REUTERS/Carlos Barria/File Photo

Is-Senatur Amerikan mill-Partit tar-Repubblikani fl-Amerika, John McCain miet fl-età ta’ 81 sena. McCain kien ilu għall-aħħar sena jiġġieled kontra l-marda tal-kanċer wara li kien ħakmu kanċer aggressiv, glioblastoma. Il-Ġimgħa l-familja ta’ McCain ħabret li ma kienx se jibqa’ jieħu iktar trattament għall-kanċer. F’April li għadda kellu jiġi operat minħabba infezzjoni fl-intestini.

McCain kien spiċċa priġunier tal-gwerra, fil-gwerra kontra l-Vjetnam. Huwa kkontesta l-elezzjonijiet Presidenzjali fl-Amerika fl-2008. Minkejja li ġej mill-istess partit ta’ Trump huwa kien kritiku prominenti. Skont l-istqarrija maħruġa mill-uffiċċju tiegħu huwa serva lill-pajjiż għal 60 sena. McCain li huwa mill-Ariżona, kien ilu senatur għall-iktar minn 30 sena.

Il-funeral ta’ McCain se jsir f’Phoenix, Ariżona u fil-Katidral Nazzjonali ta’ Washington. Huwa se jindifen f’Annapolis f’Maryland.