Ikomplu l-battibekki dwar it-tibdil fil-klima

DOI - Jason Borg

Il-Gvern qal li l-kawża għaliex saret il-mozzjoni hija tajba, iżda l-Oppożizzjoni pretendiet li ħadd ma jiskrutinizza l-kontenut ta’ dak li ġie ppreżentat quddiem l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Skont stqarrija maħruġa mill-Gvern, intqal li biex dak approvat jittieħed bis-serjetà u jkun effettiv irid ikun riċerkat. Il-Gvern spjega li hu propju minħabba f’hekk li l-Parlament se jkun mitlub jivvota favur mozzjoni li tirriaferma l-emerġenza.

Skont l-istqarrija, il-Gvern għandu pjan ambizzjuż quddiem din l-isfida u qal li għandu l-kredibbiltà li jwettqu.

Kollox beda meta l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar it-tibdil fil-klima inbidlet f’battibekk jaħraq bejn deputati tal-Gvern u dawk tal-Oppożizzjoni.

Il-Gvern akkuża lill-Oppożizzjoni li lanqas intebħet li l-Parlament diġà għadda liġi dwar il-bidla fil-klima waqt li l-Oppożizzjoni tgħid li hi xxokjata l-aġir aġġressiv tal-Gvern fuq il-proposti tagħha.

Il-vot dwar din il-mozzjoni se jittieħdet nhar it-Tlieta.

AQRA: Gvern u Oppożizzjoni f’battibekk dwar tibdil fil-klima