Ikomplu jiżdiedu t-turisti iżda jonqsu l-ammonti ta’ ljieli fil-lukandi – MHRA

Read in English.

Skont l-istħarriġ tal-MHRA, BOV, Deloitte u Q2 irriżulta li kien hemm żieda ta’ 4.6% ta’ turisti li waslu Malta. Kien hemm żieda wkoll ta’ 1.4% fl-ammont ta’ ljieli li għamlu Malta meta kkumparat mal-ewwel kwart tas-sena li għaddiet. Dan ifisser li l-medja ta’ kemm persuna ddum f’Malta qed tiqsar.

Il-lukandi jidher li ġarrbu l-akbar piż għal dan it-tnaqqis u b’mod ġenerali jidher li se jkompli jikber is-settur tal-kiri ta’ projetà privata. Skont l-istess stħarriġ, in-numru ta’ ljieli f’lukandi naqsu b’2.6%, filwaqt li l-ammont ta’ ljieli f’akkomodazzjoni mikrija b’mod privat żdiedu bi 13%.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li qegħdin f’sitwazzjoni fejn irid ikun immaniġjat sew is-suċċess li Malta kisbet s’issa biex niżguraw li l-industrija tibqa’ sostenibbli. Zahra qal li din is-sena jaħbat l-anniversarju tal-uniku Master Plan li qatt sar għal Malta, magħruf bħala Horwarth and Horwarth. Zahra spjega kif dan kien jinkludi pjan strateġiku, miżuri ta’ marketing, pjanijiet biex tittejjeb il-kwalità tat-turiżmu u pjanijiet biex titjieb il-kwalità f’postijiet bħalma huma l-Qawra, Bugibba u Paceville. Hu saħaq li minħabba li dan il-pjan ġie injorat, ħoloq konfużjoni sħiħa minflok inħoloq resort turistiku ta’ kwalità.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu Zahra spjega li hemm ħtieġa ta’ Master Plan ġdid għat-turiżmu, li fehma tiegħu messu ilu li sar.