​Jiżżewġu 17-il tifla kull minuta fil-Commonwealth

Fil-pajjiżi tal-Commonwealth, 17-il tifla kull minuta jiżżewġu qabel ma jagħlqu t-18-il sena. Dan tjoħroġ minn rapport ġdid li ħareġ dan l-aħħar dwar iż-żwieġ bejn tfal fil-Commonwealth.  
Kważi nofs in-nisa fil-pajjiżi tal-Commonwealth – jew inkella 43% – jiżżewġu qabel ma jagħlqu t-18-il sena.
Ir-rapport jisħaq ħafna dwar l-importanza tal-aspett edukattiv li jindika li hemm rabta bejn livell ogħla ta’ edukazzjoni, u tnaqqis fl-għadd ta’ bniet li jiżżewġu.
Huwa għalhekk li l-Ministri tal-Edukazzjoni tal-pajjiżi kollha, jridu jirrikonoxxu l-importanza tal-edukazzjoni, bħala parti mis-soluzzjoni sabiex jintemmu ż-żwiġijiet bejn it-tfal.
Fil-pajjiżi tal-Commonwealth, inqas bniet imorru skola milli subien. Ir-rapport jirrikmanda li l-iskejjel għandhom ikunu siguri u aċċessibbli għall-bniet sabiex dawn jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità.
Ir-rapport ħareġ ftit qabel ma jiġu stabbiliti l-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Commonwealth, li se jinkludu fost l-oħrajn s-settur tal-edukazzjoni għall-15-il sena li ġejjin.
Iż-żwieġ bejn tfal huwa kontra l-liġi f’ħafna pajjiżi tal-Commonwealth. Madankollu, ħafna pajjiżi jippermettu wkoll eċċezzjonijiet fil-liġi li jippermettu tfal żgħar jiżżewġu, jekk ikollhom il-kunsens tal-ġenituri jew awtoritajiet oħra.