Jiżdiedu żewġ spettakli oħra ta’ Il-Kbir Għadu Ġej

Qalulkom li l-biljetti mexjin ġmielhom, u tant qed jimxu, li l-produtturi tal-musical Il-Kbir Għadu Ġej fetħu żewġ iljieli oħra!

Hekk hu, sewwa smajtu! L-ispettakli tal-Ħdud, il-11 u t-18 ta’ Awwissu, huma miftuħin għall-pubbliku, u l-biljetti għal dawn iż-żewġ spettakli oħra diġa bdew mexjin ukoll. Qed jgħidu li Freddie Portelli, meta jmur il-provi, qiegħed jemozzjona ruħu.

Il-Kbir Għadu Ġej huwa musical oriġinali bil-Malti, miktub minn Malcolm Galea. Il-kanzunetti huma kollha kanzunetti li jagħmlu parti mid-diskografija estensiva tar-re tar-rock’n’roll Malti, il-kbir Freddie Portelli! Bid-direzzjoni ta’ Sean Buhagiar, u arranġament mużikali ta’ Dominic Galea, dan il-musical qiegħed iqajjem eċitament kbir fost il-ħafna nies li jafu bih.

B’atturi, kantanti u żeffiena popolari u professjonali bħal Kevin Borg, Davide Tucci, Amber, Marilena, Petra, Frank Zammit, Luke Dalli, Leontine, Jamie Cardona, Michela Galea, Taryn Mamo Cefai, Colin Fitz, Max Dingli, Manwel Cassar, Warren Bonello li huwa wkoll il-korjografu, u ħafna, ħafna oħrajn, huwa fi żgur li dan se jkun spettaklu kbir.  Il-kast huwa magħmul minn aktar minn 50 attur, kantant u żeffien, u t-tim kollu ta’ dan il-musical huwa magħmul minn mill-inqas 100 ruħ.

Il-Kbir Għadu Ġej ser jibda fid-9 ta’ Awwissu. Id-dati huma 9, 10, 11, 14, 15, 16, 17 u 18 ta’ Awwissu. Huwa jibda fit-8:30pm, u ser isir ġewwa Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta.

Biljetti minn www.freddieportelli.com. U ħaffu, għax il-biljetti mexjin ġmielhom!