Jiżdiedu ż-żwiġijiet fil-Knisja fl-2015

Is-sena li għaddiet kien hemm 20 armel jew armla li reġgħu żżewġu bi żwieġ tal-Knisja fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Kien hemm ukoll 38 persuna li reġgħu ngħaqdu f’rabta dejjiema wara li l-ewwel żwieġ tagħhom kien ġie dikjarat null.
Dawn huma biss uħud mill-1,458 żwieġ li ġew iċċelebrati fil-Knisja u li ġew irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta matul l-2015, li huma żieda fuq in-numru ta’ żwiġijiet irreġistrati fl-2014.
Il-parti l-kbira taż-żwiġijiet iċċelebrati fil-Knisja f’Malta, jew 1,248 (85%) kienu żwiġijiet fejn iż-żewġ partijiet kienu Maltin.
Imma mill-71 persuna barranija li ngħaqdet fi żwieġ ma’ persuna oħra Maltija, 11 kienu mill-Italja u daqstant ieħor mill-Ingilterra.
Interessanti l-fatt li l-71 persuna barranija li żżewġet Maltija kienu ġejjin minn 31 pajjiż differenti.
44 żwiġijiet kienu bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi minn pajjiżi oħra, 22 bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin, u 5 bejn Maltin ma’ barranin li mhumiex Insara.
Matul is-sena li għaddiet, ġew irreġistrati wkoll 13-il żwieġ bejn Maltin li jgħixu f’pajjiżi oħra u 126 żwieġ bejn koppji fejn it-tnejn huma barranin.
Ir-rebbiegħa u s-sajf baqgħu l-iktar staġuni popolari għat-tiġijiet, fl-ewwel post Ġunju, imbagħad Mejju u Lulju. L-iktar etajiet komuni tal-koppji li żżewġu matul is-sena li għaddiet kienu bejn l-20 u d-29 sena.
Interessanti wkoll li matul is-sena li għaddiet, iż-żwiġijiet fil-Knisja f’Malta kienu jinkludu żieda sostanzjali fin-numru ta’ żwiġijiet konvalidati, fejn ikun seħħ żwieġ ċivili mbagħad il-koppja titlob li ż-żwieġ isir ukoll bil-Knisja. B’kollox, matul l-2015 kien hemm 74 żwieġ konvalidat.
L-Arċidjoċesi ta’ Malta ħarġet din l-informazzjoni, miġbura mill-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof, li ma tinkludix l-informazzjoni minn Għawdex, hekk kif nhar il-Ħadd, l-Arċisqof Charles Scicluna se jiltaqa’ mal-koppji li se jiżżewġu din is-sena.
Il-laqgħa se ssir permezz ta’ Quddiesa ċċelebrata fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fil-5.30pm, organizzata mill-Moviment ta’ Kana.
Il-Quddiesa se tixxandar b’mod dirett fuq il-YouTube Channel tal-Knisja f’Malta