Jiżdiedu l-istudenti barranin li jitgħallmu l-Ingliż f’Malta

L-ammont ta’ turisti li żaru lil Malta biex jistudjaw l-ingliż, żdied b’18.2%. Skont stħarriġ li sar mill-NSO, matul is-sena li għaddiet żaru Malta 81,911 student, b’aktar minn 20 elf minnhom għandhom 16 jew 17-il sena. Kienu biss 3, 879 student li kellhom aktar minn 50 sena.

Matul is-snin, dan is-settur sar wieħed mill-aktar importanti għall-ekonomija Maltija. Infatti, il-persentaġġ tal-istudenti li ġew jistudjaw l-ingliż kien jammonta għal kważi 6% tat-turisti kollha li żaru malta matul l-2012.

It-Taljani kienu l-akbar nazzjonalita, isegwu l-Ġermaniżi, Russi u Franċiżi. Il-maġġoranza assoluta kienu kollha Ewropej, b’56 elf student jiġu minn stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Kif mistenni, Lulju kien l-aktar xahar li fih waslu studenti filwaqt li Diċembru kien l-aktar kwiet.

F’Malta hawn 40 skola li jgħallmu l-Ingliż għat-turisti.