Jiżdiedu s-sanzjonijiet fuq ir-Russja

Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama ħabbar sanzjonijiet ġodda imposti fuq ir-Russja.
Obama qal li b’dawn is-sanzjonijiet, l-ekonomija Russa li ddeskriva bħala dgħajfa se tkompli tiddgħajjef aktar.
Qal ukoll li l-ħidma kkordinata mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea se jħallu impatt kbir fuq ir-Russja u l-Gvern immexxi minn Vladimir Putin.
Fost is-sanzjonijiet ġodda imposti hemm li persuni Ewropej u mill-Istati Uniti ma jistgħux jagħmlu użu mis-servizzi finanzjarji offruti minn tliet banek Russi.
Il-mira tas-sanzjonijiet li qed jiġu imposti fuq ir-Russja hi li dan il-pajjiż inaqqas l-għajnuna li qed jagħti lis-separatisti fil-Lvant tal-Ukraina.
Għalkemm il-Gvern ta’ Putin qed jiċħad li qed jagħti armamenti lis-separatisti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jinsabu ċerti li s-separatisti qed jirċievu l-armi mir-Russja.