“Jiżdiedu r-rapporti ta’ każijiet ta’ fastidju onlajn” – Dalli

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli sostniet li skont esperti mill-2016 ‘il quddiem żdiedu aktar il-każijiet ta’ fastidju onlajn ibbażati fuq ir-rapporti li saru fuq il-pulizija.
Waqt konferenza organizzata mill-GWU u mill-Ewroparlamentari immirata għal shopstewards dwar il-fastidju online u fuq il-post tax-xogħol, il-Ministru Dalli rreferiet għall-bidliet f’diversi liġijiet li qed iżidu l-protezzjoni lill-vittmi.
Il-Ministru Dalli semmiet li l-kummenti li qabel kienu jingħadu wiċċ imb’wiċċ illum qed jiġu amplifikati meta jinkitbu onlajn. Sostniet li saret aktar faċli li tikteb xi ħaġa mingħajr ma tikkonfronta persuna u dan qed iwassal għal żieda fil-każijiet ta’ fastidju.
Dalli tkellmet ukoll dwar il-bżonn li jkun hawn aktar għarfien dwar il-fastidji speċjalment dwar dak li qed jiġri fuq l-internet. Spjegat kif l-esperjenzi tal-vittmi jistgħu jservu għal aktar kuxjenza fuq is-suġġett u aktar nies ifittxu l-ġustizzja.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Dr Miriam Dalli qalet li hemm bżonn li wieħed imur lil hinn minn liġijiet u minn infurzar b’saħħtu u jsiru liġijiet effettivi u taħriġ anke fuq il-post tax-xogħol biex l-impjegati jkollhom biżżejjed għarfien dwar kif jindirizzaw każijiet ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol.
Dalli saħqet ukoll dwar l-importanza tat-taħriġ, li sostniet irid ikun indirizzat mhux biss lejn min iħaddem imma lejn l-impjegati kollha.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut