​Jiżdiedu n-nisa fis-sala tal-irġiel fl-isptar ta’ Għawdex

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel qed tappella lill-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi biex jieħu azzjoni immedjata dwar in-nuqqas ta’ sodod fis-swali fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Fi stqarrija, l-MUMN sostniet li s-sitwazzjoni sejra mill-ħażin għall-agħar. Spjegat li l-erba’ pazjenti nisa li kien hemm fis-Sala tal-Irġiel, issa żdiedu għal tmienja.
Saħqet li din iż-żieda fil-każi soċjali tan-nisa fis-sala tal-irġiel wasslet biex ġew ikkanċellati diversi operazzjonijiet minħabba n-nuqas ta’ sodod.
L-MUMN qalet li f’Diċembru talbet lid-Diviżjoni tas-Saħħa biex tindirizza s-sitwazzjoni, minħabba li numru ta’ sodod qed jintużaw mill-anzjani u pazjenti soċjali. Dan bil-konsegwenza li ma jkunx hemm sodod disponibbli għall-pazjenti b’mard serju u dawk li jeħtieġu operazzjoni.
L-unjin tgħid li huwa inkwetanti li l-isptar ta’ Għawdex dalwaqt ma jkunx f’pożizzjoni li jilqa’ aktarpazjenti, jekk il-kriżi tippersisti.