Jiżdiedu n-nies li qed jgħixu fil-garaxxijiet

L-eks Chairperson tal-Alternattiva Demokratika u kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Arnold Cassola tella’ ritratt fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook fejn juri raġel li qed jgħix ġo garaxx. B’mod sarkastiku huwa kiteb li Malta tinsab l-aħjar fl-Ewropa b’7.9% tkabbir ekonomiku. Huwa qal li dan huwa l-Milied ta’ dan ir-raġel fl-2018.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mas-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Propjetà Simon Debono dwar din ir-realtà. Meta mistoqsi jekk l-ammont ta’ nies jgħixu fil-garaxxijiet żdiedx huwa qalilna li jista’ jikkonferma li dan l-ammont żdied però ma kienx f’pożizzjoni li jikkonferma b’kemm żdied l-ammont minħabba li bħalissa l-federazzjoni tinsab imħabbta bl-iżgumbramenti li qed isiru fuq l-appartamenti tal-kera b’mod speċjali kirjiet garantiti (kirjiet li kienu fis-seħħ qabel l-1995).

Debono qal li l-Gvern kien assigurahom li dawk il-kirjiet kienu protetti iżda qed jirriżulta li ma kienu protetti xejn. Huwa qal li hemm diversi persuni anzjani li qed jiġu żgumbrati mill-appartamenti tagħhom fosthom omm anzjana li għandha tifel b’diżabbiltà jgħix magħha.

Il-Maltin mhux ilaħħqu mal-prezzijiet tal-kera

Debono qal li bħala federazzjoni huma bdew jippruvaw jikkwantifikaw kemm hi kbira l-problema, iżda is-Segretarju Parlamentari qal li minn 90,000 persuna li skont il-Gvern qed jgħixu fil-kera, 7,000 biss għandhom il-problema għax l-oħrajn huwa kirjiet protetti. Qal li issa qed jirriżulta li dawn ma huma protetti xejn, għalhekk huma qed iħarsu lejn il-figura ta’ 90,000. Debono qal li n-nies Maltin mhux qed isibu jikru bl-ammont ta’ flus li jaffordjaw għax il-kirja medja qiegħda bejn €750 u €800 għall-appartament b’żewġt ikmamar tas-sodda.

Debono qal li għalkemm l-inizjattiva tal-Gvern li jibni madwar 700 appartament fis-Siġġiewi hija pożittiva, dan ma jibdiex mal-ammont ta’ nies li għandhom problema ta’ housing. Huwa semma li bħala federazzjoni taw is-suġġerimenti tagħhom lil Gvern. Wieħed mis-suġġerimenti kien li jinbnew units iżgħar li jiswew madwar €24,000 u għalhekk bil-flus li l-Gvern se jonfoq fis-Siġġiewi jkun jista’ jibni 4,600 appartament. Simon qal li huma jissuġġerixxu li dawn l-appartamenti jinbdew ġo lokalitajiet diversi f’Malta biex dak li jkun, ikun viċin tax-xogħol u l-familjari, b’hekk jiffranka l-ħin biex jivjaġġa u jkun jista’ jagħmlu over time. Huwa qal li permezz ta’ dak l-over time l-persuna tkun qed tgħin lilha nnifisha.

F’Ottubru li għadda Debono f’intervista ma’ Fr Joe Borg, Debono qal li hawn iktar minn 2,000 Malti jgħixu fil-garaxxijiet. Huwa kien qal li fejn qabel post kien jinkera għal żewġ persuni, issa qed jinkera għal sitta u dan huwa riżultat ta’ immigrazzjoni mhux ikkontrollata.