Jiżdiedu l-vittmi tal-virus fiċ-Ċina

Tourists from an Air China flight from Beijing wear protective masks as they arrive at Charles de Gaulle airport in Paris, France, January 26, 2020. REUTERS/Benoit Tessier

In-numru ta’ vittmi mill-virus ġdid li feġġ fiċ-Ċina issa laħqu t-80 persuna b’aktar minn 3,000 oħra konfermati li huma morda bil-Coronavirus li feġġ ftit ġimghat ilu fil-belt Ċiniza ta’ Wuhan.

Il-Gvern Ċiniz qed jadotta diversi miżuri ta’ emerġenza biex jipprova jsib tarf dan il-virus li għalih m’hemm ebda kura u fost l-aħħar deċiżjonijiet li ħa kien li jtawwal il-btajjel tas-Sena Ġdida Ċiniza li qed tkun ċelebratabħalissa. 

F’Wuhan, Belt ta’ 11-il miljun fejn l-ivjaġġar minn u lejn il-belt qed jiġi kontrollat, qed jinbnew żewġ sptarijiet filwaqt li l-fabbriki qed iħaffu l-produzzjoni tal-maskri tal-wiċċ li jservu ta’ protezzjoni tal-marda li l-indikazzjonijiet huma li tittieħed bħall-influwenza komuni.

Apparti l-każijiet fiċ-Ċina, issa hemm mal-42 każ tal-marda konfermati madwar id-dinja fosthom fi Franza, l-Istati Uniti u l-Awstralja. Diversi pajjiżi madwar id-dinja qed jieħdu diversi prekawzjonijiet l-aktar fl-ajruport internazzjonali tagħhom.