Jiżdiedu l-postijiet tax-xogħol f’Malta – Eurostat

    Read in English.

    Skont statistika maħruġa mill-Eurostat, Malta rat żieda fl-ammont ta’ postijiet tax-xogħol battala meta tikkumpara t-tieni kwart tal-2018 u dak tal-2019, li jiġi bejn April u Ġunju tas-snin rispettivi.

    Din iż-żieda kienet ta’ 0.4%, li poġġiet lil Malta bħala t-tielet l-iżjed pajjiż b’żieda fiż-żona Ewropea, wara ċ-Ċekja (b’żieda ta’ 0.8%) u l-Latvja (b’żieda ta’ 0.5%). Il-Ġermanja kellha l-istess żieda daqs Malta.

    L-offerti tal-impjieg fil-qasam tas-servizzi f’Malta żdiedu minn 2.8% fit-tieni kwart tal-2018, għal 3.5% fit-tieni kwart ta’ din is-sena. Minkejja li kien hemm kolonna għall-informazzjoni dwar l-offerti għal postijiet tax-xogħol battala fil-qasam tal-kostruzzjoni, l-informazzjoni dwar it-tieni kwart tal-2019 ma kenitx disponibbli. Però, it-tieni kwart tal-2018 ra 2%, u t-tielet ra qabża għall-4%.

    Fost l-Istati Membri, meta tikkumpara mat-tieni kwart tal-2018, ir-rata tal-offerti ta’ xogħol fit-tieni kwart tal-2019 għoliet f’10 pajjiżi, baqgħet stabbli f’9, u waqgħet f’9 oħra.