Jiżdiedu l-persuni li għandhom id-dijabete tat-tip 2

Fis-sena 2018, il-persuni li għandhom id-dijabete tat-tieni tip żdiedu. Dan ħareġ minn statistika li ressaq fil-Parlament il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Hu kien qed iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Fil-Parlament, Fearne spjega li t-total tal-pazjenti li għandhom il-karta s-safra u li għandhom id-dijabete huma ta’ 31,709. Filwaqt li 1,624 persuna għandhom id-dijabete tal-ewwel tip, 30,085 persuna għandhom id-dijabete tat-tieni tip. Intant spjega li mhux il-pazjenti kollha li għandhom id-dijabete tat-tieni tip għandhom il-karta s-safra, xi wħud jaf żammew il-karta r-roża.

Il-karta roża nbidlet għall-karta safra fl-2012, dan wassal sabiex għexieren ta’ pazjenti japplikaw għall-karta s-safra mill-ġdid.

Fejn jidħlu pazjenti tad-dijabete tal-ewwel tip, fl-2012 kien hemm 599 persuna, fl-2013 kien hemm 217, fl-2014 kien hemm 183, fl-2015 kien hemm 236, fl-2016 kien hemm 270, fl-2017 kien hemm 233 u fl-2018 kien hemm 161 persuna. L-etajiet ivarjaw minn sena għal 97 sena.

Intant, fejn jidħlu pazjenti li applikaw għall-karta s-safra mill-ġdid u li jbatu mid-dijabete tat-tieni tip, fl-2012 irreġistraw 7,399 persuna, fl-2013 irreġistraw 4,131, fl-2014 kien hemm 3,727, fl-2015 kien hemm 3,691, fl-2016 kien hemm 4,140, fl-2017 kien hemm 4,765 u fl-2018 kien hemm 5,866 persuna. L-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 10 snin u 99 sena.