Jiżdiedu l-pazjenti fl-Isptar Monte Karmeli; il-psikjatri jappellaw

Read in English.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li fi spazju ta’ ġimgħa aktar minn 50 persuna ddaħħlu għal trattament fl-Isptar Monte Karmeli jsofru minn mard mentali sever. Mill-bidu tal-pandemija tal-coronavirus l-għadd ta’ pazjenti ġewwa l-isptar żdied b’mod konsiderevoli. Dan qed jinkwieta lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatri (MAP) tant li ħarġet stqarrija biex tħeġġeġ lill-persuni f’Malta u Għawdex sabiex ifittxu l-għajnuna.

Issofrux fis-silenzju, fittxu l-kura – Psikjatri

“Nixtiequ ninkoraġġixxu lil min qiegħed isofri fis-silenzju sabiex jagħmel kuntatt mat-tabib tal-familja jew fiċ-ċentri tas-saħħa, imqar permezz tat-telefown” saħaq Dr Nigel Camilleri, President tal-MAP.

Minħabba l-biża’ li wieħed jiġi infettat mill-COVID-19 u l-inċertezzi u l-iskumdità li qegħdin ngħixu fiha, għadd ta’ nies jibdew isofru jew jerġgħu jaqgħu f’mard mentali.

“Din il-kriżi,” skont il-MAP, “iġġib magħha inċertezza u skumdità; it-tħarbit fir-rutina twassal fi stat kroniku, tensjoni u inkwiet li jistgħu jirriżultaw f’ansjetà kbira.”

Il-MAP qed tħeġġeġ biex min għandu bżonn l-għajnuna ma joqgħodx jistenna sakemm is-sitwazzjoni tiggrava. Meta wieħed ifittex l-għajnuna hu sinjal ta’ saħħa u mhux ta’ debulizza. Il-Mental Health Services toffri għajnuna kemm lil tfal, adulti u anzjani fil-kliniċi tal-komunità. Aktar ma tintalab l-għajnuna kmieni aktar jiġu evitati problemi serji aktar tard.