Jiżdiedu l-każi ta’ razziżmu fuq tal-linja

F’Malta qed jikber is-sentiment razzist speċjalment kontra l-immigranti irregolari li jaslu f’pajjiżna.
Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li speċjalment fit-trasport pubbliku qed jiżdied l-abbuż kontra l-immigranti min-naħa ta’ xi xufiera.
Mhux l-ewwel darba li xufiera tal-karozzi tal-linja offendew jew ħadu bl-herra immigranti irregolari li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.
Kif jixhed dan ir-ritratt, kummenti razzisti, li wieħed jiddeplorahom, qed jitħallew fi graffitti mal-ħitan fit-toroq imma wkoll mal-stejġis u t-timetables tal-karozzi tal-linja.
Fix-xhur li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta kif Transport Malta kienet qed tinvestiga każ ta’ xufier li keċċa immigranti irregolari mill-karozza tal-linja għax ma kellhomx biżżejjed flus għan-noll.
Dawn tkeċċew bl-herra minkejja li kien hemm mara li riedet tħalsilhom hi.
Kummenti bħal dawn jitfaċċaw ta’ sikwit fuq il-midja soċjali speċjalment fil-Facebook, jirriżulta li l-akbar ammont ta’ każ huma fir-rotot lejn il-Marsa, Birżebbuġa, Iż-Żurrieq u l-Ajruport.
Kemm-il darba l-Awtoritajiet Maltin flimkien ma’ pajjiżi oħra bħall-Italja u l-Greċja ressqu l-ilmenti tagħhom fl-Unjoni Ewropea, li qed jitħallew waħedhom fl-isfida tal-immigrazzjoni irregolari.
Is-sena li għaddiet waslu Malta 24 dgħajsa b’2,008 immigrant irregolari.
Dan kien l-ogħla numru ta’ wasliet f’dawn l-aħħar sitt snin jew żieda ta’ 6.2% meta mqabbel mal-2012.
Kważi nofs l-immigranti kienu Afrikani, b’49.8% waslu mis-Somalja jew mill-Eritrea.
Għaqdiet mhux Governattivi Maltin qed jaħdmu sabiex tikber is-solidarjetà u l-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetà.
Fost dawn l-għaqdiet hemm il-Fondazzjoni Aditus, li bħala parti mill-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, qed tipproponi li jitwaqqaf bord li jilqa’ l-ilmenti dwar każi ta’ diskriminazzjoni u li jkollu r-responsabbilità għad-drittijiet tal-bniedem.