Jiżdiedu l-Kattoliċi fid-dinja…imma jonqsu fl-Ewropa

Skont l-aħħar statistika mxandra mill-Vatikan, in-numru ta’ Kattoliċi fid-dinja żdied bi ftit, l-aktar minħabba żjieda impressjonanti fl-Afrika, iżda naqsu fl-Ewropa.
Fl-aħħar tal-2015 il-popolazzjoni Kattolika fid-dinja żdiedet b’1% fuq il-ħames snin ta’ qabel, biex laħqet il-1.27 biljun persuna jew 17% tal-popolazzjoni kollha tad-dinja.
Fl-Afrika il-popolazzjoni Kattolika żdiedet b’aktar minn 19% bejn l-2010 u l-2015 filwaqt li fl-Ewropa il-Kattoliċi naqsu.  Fl-Asja u l-Amerika il-popolazzjoni tal-Kattoliċi żdiedet ukoll iżda l-proporzjon tal-Kattoliċi paragunata mal-popolazzjoni globali baqgħet l-istess.
49% tal-Kattoliċi jinsabu fl-Istati Uniti u fl-Amemrika t’Isfel.  Fl-Afrika il-popolazzjoni tal-Kattoliċi żdiedet minn 15.5% għal 17.3% tal-popolazzjoni dinjija filwaqt li fl-Ewropa naqsu minn 23.8% għal 22.2%.
In-numru ta’ saċerdoti Kattoliċi wkoll naqas ftit fil-ħames snin imsemmija filwaqt li r-reliġjużi nisa naqsu ferm aktar – minn 722,000 għal 670,320. Iżda fl-Afrika kemm is-saċerdoti kif ukoll is-sorijiet, żdiedu.
Fil-Brażil hemm 172 miljun kattoliku, fil-Messiku 111 miljun, fil-Filippini 84 miljun, fl-Istati Uniti 72 miljun, fl-Italja 58 miljun, fi Franza 48 miljun, fil-Colombia 45 miljun, fi Spanja 43 miljun, fil-Congo 43 miljun u fl-Arġentina 40 miljun.  F’dawn l-għaxar pajjiżi jgħidu 55% tal-Kattoliċi li hawn madwar id-dinja.