Jiżdiedu l-inċidenti tat-traffiku fl-aħħar tliet xhur tas-sena

Fl-aħħar tliet xhur tal-2015, seħħew 3,727 inċident tat-traffiku, żieda ta’ 95 inċident meta mqabbel mal-istess żmien fl-2014.
39% tal-inċidenti, jew 1,450 inċident, seħħew fil-lokalitajiet ta’ madwar il-port.
Minkejja dan, Birkirkara baqgħet fuq nett tal-lista bl-akbar ammont ta’ inċidenti tat-traffiku. B’kollox f’Birkirkara seħħew 318-il każ. Wara Birkirkara hemm ukoll Ħal Qormi u l-Mosta.
Fl-istess perjodu, 429 persuna weġġgħu f’inċidenti tat-traffiku, b’254 minnhom ikunu sewwieqa u l-bqija passiġiera jew nies li kienu fit-triq. B’kollox 69 persuna sofrew ġrieħi gravi.
Matul dan il-perjodu, 3 persuni li kienu fit-triq, jiġifieri mhux sewwieqa u lanqas passiġġieri, tilfu ħajjithom.
Skont l-NSO, fl-aħħar tliet xhur tas-sena, l-akbar ammont ta’ inċidenti seħħew fil-ġurnata tal-Ħamis u l-inqas nhar ta’ Ħadd.
Meta weġġgħu persuni, fil-maġġoranza tal-każi, l-inċidenti kienu jinvolvu vetturi tal-passiġġieri. Fi kważi 20% tal-każi kienu nvoluti muturi.
L-akbar ammont ta’ inċidenti seħħew bejn id-9:00am u nofsinhar.